Ritratt: L-Arċidjoċesi – Ian Noel Pace

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, Ġesù jgħid kelma sabiħa li tgħodd għal din l-okkażjoni: “Illum f’din id-dar daħlet is-salvazzjoni”(Lq 19: 9). Din hija dar imbierka. Evidentement qed jirreferi għad-dar ta’ Żakkew, dak ir-raġel qasir li kellu jitla’ fuq siġra, biex jara lil Ġesù, li kien magħruf bħala bniedem xħiħ, li mhux biss kien jieħu t-taxxi, imma  wkoll kull tant jieħu iżjed milli hemm bżonn.

Tant hu hekk li Żakkew fil-laqgħa tiegħu ma Ġesù jibdel ħajtu u jgħidlu” jekk jien qarraqt b’xi ħadd, inroddlu għal erba’ darbiet iżjed.” Jgħidlu wkoll “Ara Mulej nofs ġidi nagħtih lill-foqra. U jekk jien qarraqt b’xi ħadd inroddlu lura erba’ darbiet iżjed”(Lq19:8).  Huwa bniedem li għax iltaqa’ ma Ġesù biddel ħajtu. Fid-dar tiegħu daħal Ġesù għax qallu llum jeħtieġli niġi għandek, niekol għandek, nidħol għandek fid-dar tiegħek. Ġesù mhux biss  jgħid li f’din id-dar daħlet is-salvazzjoni għax daħal hu, li huwa s-Salvatur, imma għaliex Żakkew fid-dar tiegħu seta’ jgħix fil-paċi ma’ qalbu u mal-proxxmu.

Ritratt: L-Arċidjoċesi – Ian Noel Pace

Bħal lum 40 sena, qed nitkellem mill-esperjenza, għax kont hawn, ngħin lill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca. Dan it-tempju kien imballat bin-nies, ferħ kbir, stennija kbira, biex dan it-tempju li fil-bini tiegħu għadda minn ħafna avventuri, minn mumenti ta’  ħafna diffikultà quddiem il-kappillan Dun Vinċenż Deguara. Il-poplu kollu feraħ jara lill-Arċisqof jikkonsagra l-artal, imbagħad jordna li jindilku biż-żejt dawk is-slaleb li qegħdin taraw mal-ħitan. Mal-ħitan tal-knisja hemm tnax il-salib, sitta din in-naħa, u sitta n-naħa l-oħra. Illum quddiemhom qed taraw jixgħel id-dawl, kif kien iddisinjhom l-artist Ġanni Bonnici, id-dawl ukoll minn wara tas-salib. Dawk qed jgħattu il-post fejn is-saċerdoti, u anke  aħna d-djakni, jiena u Mons Caruana, konna  dlikna l-ħitan biż-żejt tal-Griżma.

 Iż-żejt tal-griżma jintuża fil-magħmudija, jintuza fil-grizma tal-Isqof, bħalma ser jintuza fuqkom minn hawn u ftit xhur oħra. Jintuza meta jiġu ordnati s-saċerdoti u l-isqfijiet, u biex jiġu kkonsagrati l-knejjes, l-artali l-affarijiet ddedikati  lil Alla. Għaliex? Għax id-dilka biż-żejt tal-griżma, li l-Isqof jikkonsagra filgħodu nhar Ħamis ix-Xirka quddiem is-saċerdoti kollha u li  miegħu  jiżdied fwieħa speċjali, huwa s-sinjal tal-imħabba ta’ Alla tal-grazzja Tiegħu li tiddedika u tikkonsagra lilna u lil dan it-Tempju, l-oġġetti midluqa b’dan iż-żejt lil Alla.

Ritratt: L-Arċidjoċesi- Ian Noel Pace

Nixtieq li dawk li ser jagħmlu l-Griżma din is-sena, jekk jogħġobkom iqumu bil-wieqfa, min ser jagħmel il-Griżma din is-sena. Nagħtuhom ċapċipa kbira jekk jogħġobkom. Nawguralkom ħafna l-ewwel nett irrid nirringrazzjakom talli ġejtu f’dan ir-riħ, u l-maltemp. Qaluli li jekk għada ma tmorrux l-iskola ma jkun ġara xejn, imma għal għada biss, suppost. Imma niringrazzjakom li ġejtu llum biex flimkien, u tibqgħu tiftakruha din, ser tiġu midluka biż-żejt qaddis,  propju f’din is-sena li fiha qed niċċelebraw l-erbgħin anniversarju mill-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja, sabiħa u maestuza, propju bl-istess  żejt, biż-żejt tal-grizma.

Imma dan it-Tempju huwa kkonsagrat biex ifakkarna li aħna bħala poplu t’Alla nagħmlu parti mill-familja ta’ Ġesù. Nawguralkom li meta tagħmlu l-Griżma u min imexxi l-Grizma, f’isem l-Isqof, u jistaqsikom: imma intom temmnu? Ir-risposta tagħkom tkun iva u iva mill-qalb. U meta tirċievu l-Griżma, min jagħmlilkom il-Griżma, jagħmlilkom sinjal tas-salib biż-żejt ikkonsagrat  fuq il- fuq il-ġbin tagħkom, u jgħidilkom: ħu is-sigill tad-don tal-Ispirtu s-Santu, ifirħu u rringrazzaw lill-Alla li l-Mulej qed iressaqkom ħafna  lejh, u jimliekom b’kull għajnuna biex jgħidilkom  Jiena magħkom dejjem (ara r-rit tal-Griżma tal-Isqof).

Ritratt: L-Arċidjoċesi- Ian Noel Pace

 Din il-parroċċa għażiża ta’ San Bastjan, jiena mhux biss nifraħ magħha u nawguralha, imma bl-interċessjoni tal-Qaddis Martri Bastjan, illum poġġejna r-relikwa għażiża  tiegħu, fuq l-artal, bdejna l-festa proprja tiegħu lejlet l-20 ta’ Jannar, bl-interċessjoni ta’ dan il-qaddis, li hu  ukoll kien ikkonsagrat fil-magħmudija u fil-griżma; ejjew inkunu xhieda tal-Mulej Ġesù. Wara kollox aħna nsejħulu San Sebastjan Martri ta’ Kristu,  martri huwa xhud, inti tixhed għal Ġesù billi f’ħajtek tkun preżenza ta’mħabba.

U nifraħ magħkom għaliex f’din il-knisja, fil-kripta, dak iż-żmien il-kripta kienet il-post fejn irċevejt l-ewwel tqarbina, u fl-1967 il-griżma tal-isqof. U allura nifraħ magħkom b’din il-parroċċa għażiża, bħalma  nifirħu lkoll aħna s-saċerdoti. Ejjew nitolbu biex is-sagramenti li rċevejna hawnhekk  ngħixuhom, ngħixuhom bil-ferħ – li aħna nkunu preżenza sabiħa.

Ritratt: L-Arċidjoċesi – Ian Noel Pace

San Pawl, l-Appostlu Missierna juza din l-espressjoni “kunu l-fwieħa ta’ Kristu” (2 Kor. 2:14-16).  Il-korruzzjoni tfisser intiena, imma dak li huwa sabiħ, dak li huwa sagħan, dak li huwa safi dak li huwa mħabba, dik hija l-fwieħa ta’ Kristu. Iż-żejt li permezz tiegħu ġiet ikkonsagrata din il-knisja 40 sena ilu għandu fwieħa mħallta miegħu biex ifakkarna li meta nkunu ta’ Ġesù aħna nsiru fwieħa sabiħa ta’ mħabba ta’ safà ta’ ġustizzja, ta’ sabar, anke ta’ sewwa, fis-soċjetà tagħna. Dan hu l-awgurju li nagħtu lkoll kemm aħna lil xulxin.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta