Il-mużajk ta’ Marija mtellgħa s-sema li jisab mal-frontispizju tal-knisja parrokkjali tal-Imġarr

Dalgħodu ġew inawgurati diversi proġetti ta’ konservazzjoni u restawr fil‑parroċċi ta’ Ħad‑Dingli u l‑Imġarr, permezz tal‑ħidma li saret mill‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Il‑proġetti saru b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal‑Unjoni Ewropea, b’investiment totali ta’ €217,000. Il‑proġetti ġew inawgurati mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.

F’Ħad‑Dingli ġew irrestawrati diversi opri tal‑arti: l‑14‑il pittura tal‑Via Sagra, il‑pedestall u n‑niċċa tal‑Madonna tar‑Rużarju, il‑pittura tal‑Adorazzjoni tas‑Slaten Maġi, il‑pittura tal‑Madonna tar‑Rużarju, il‑pittura tal‑artist Portugiż Manuel Pereira li turi t‑tieġ bejn San Ġużepp u l‑Madonna, u l-istatwa tas-seklu sittax ta’ San Ġwann Battista, li hi maħsuba li nġiebet Malta mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. L‑investiment f’Ħad‑Dingli ammonta għal €99,000.

Fl‑Imġarr sar it‑tindif tal‑pannella tal‑mużajk mal‑frontispizju (pediment) tal‑knisja parrokkjali. Peress li l‑pannella hija maqsuma f’ħames biċċiet, dawn kellhom jinħattu kollha biex isir ir‑restawr tal‑mużajk. Kien hemm ukoll diversi biċċiet tal‑mużajk neqsin li saru mill‑ġdid. Din l‑opra tal‑arti, li turi l‑Madonna mtellgħa s‑sema, saret fl‑1945 u hija l‑uniku xogħol li sar matul it‑Tieni Gwerra Dinjija u li nġieb Malta mill‑Italja. L‑investiment fl‑Imġarr ammonta għal €118,000.

L-istatwa ta’ San Ġwann Battista li hi maħsuba li nġiebet Malta mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Waqt l‑inawgurazzjoni ta’ dawn il‑proġetti, l‑Isqof Joseph Galea Curmi qal li l‑Knisja f’Malta, preżenti fid‑diversi komunitajiet parrokkjali u komunitajiet oħra tagħha, tgħożż il‑wirt li rċeviet u taħdem biex tħarsu bis‑sħiħ sabiex il‑ġenerazzjonijiet futuri jkollhom patrimonju li jurihom l‑għeruq. Huwa awgura li l‑parruċċani ta’ Ħad‑Dingli u l‑Imġarr ikomplu jieħdu ħsieb il‑knejjes sbieħ tagħhom kif ukoll iħarsu bis‑sħiħ il‑wirt naturali f’dawn iż‑żewġ postijiet li huma maqtugħin għalihom u jispiraw serenità, permezz tan‑natura li huma mdawrin biha.

L‑Isqof Awżiljarju rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu fuq dawn ix‑xogħlijiet ta’ restawr: lill‑Arċipriet ta’ Ħad‑Dingli Dun Mark Mallia Pawley u lill‑Kappillan tal‑Imġarr Dun George Schembri, flimkien mal‑poplu ta’ Ħad Dingli u tal‑Imġarr għall‑kontribut tagħhom; lis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej; lis‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross; u kif ukoll lill‑professjonisti u l‑ħaddiema kollha tal‑kontribut tagħhom f’dawn il‑proġetti.

Is‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif b’fondi Ewropej qed jiġu preservati artefatti sagri varji li għandhom storja rikka ħafna. Huwa saħaq li b’dawn il‑fondi Ewropej qed inkomplu nsaħħu l‑partimonju ekkleżjastiku u nagħmluh aktar sinjur biex jitgawda mhux biss mill‑Maltin u l‑Għawdxin iżda anke minn dawk kollha li jiġu Malta. Dr Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar kif hemm numru ieħor ta’ paroċċi li se jkunu qed jibbenefikaw minn dawn il‑fondi biex verament dan il‑proġett ikun wieħed ħolistiku li jħalli impatt pożittiv li jinħass minn kulħadd. Huwa kkonkluda billi qal li “dawn huma fondi li jmorru fil‑qalba tal‑lokalità u direttament għand in‑nies hekk kif il‑komunità kollha se tkun tista’ tgawdi mis‑sbuħija ta’ dawn ix‑xogħlijiet flimkien mat‑turisti li jżuru lil pajjiżna għal wirt kulturali tiegħu”.

Aktar tard din is‑sena se joħorġu sejħiet għall‑offerti għal proġetti ta’ restawr u konservazzjoni fl‑Arkivji fi ħdan il‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana u fil‑Palazz tal‑Arċisqof fil‑Belt Valletta, u għal proġetti oħra fil‑parroċċi tal‑Qrendi, il‑Ħamrun, iż‑Żurrieq, Bormla, Ħaż‑Żebbuġ, l‑Imsida, Ħal Kirkop, Tas‑Sliema (San Girgor), il‑Belt Valletta, u l‑Furjana.

Ix‑xogħlijiet ta’ restawr f’Ħad‑Dingli u l‑Imġarr huma t-tmien u d-disa proġetti ta’ restawr u konservazzjoni li tlestew s’issa minn total ta’ 32 proġett.  Fix‑xhur li għaddew ġew inawgurati proġetti simili fil‑Bidnija, il‑Mosta, l‑Imdina, Ħal Balzan, ir-Rabat, Raħal Ġdid, u Ħal Tarxien.