L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-ħarsa ta’ Ġesù li tinfed il-qalb! Aħna u naqraw dawn is-siltiet fis-solennità tal-appostli Pietru u Pawlu, niltaqgħu mal-ħarsa ta’ Ġesù, dik il-ħarsa li ltaqa’ magħha Xmun Bin Ġwanni fix-xatt tal-għadira ta’ Tiberijade. Kien qiegħed fuq id-dagħjsa ma’ ħuh Indrì u sema’ l-mastrudaxxa ta’ Nazaret jgħidlu dawn il-kelmiet: “Ejja warajja” (Ġw 1:39). Ma’ dawk il-kelmiet kien hemm ħarsa li tinfed il-qalb, ħarsa li taf u għax taf, tagħder u għax tagħder, tħobb.

F’Ħamis ix-Xirka Pietru reġa’ ltaqa’ ma’ dik il-ħarsa. Kien ittradixxa lill-Mulej għat-tielet darba u hu u jisma’ lis-serduk jidden, il-ħarsa tiegħu mbeżżgħa tiltaqa’ mal-ħarsa ta’ Ġesù mifnija bl-umiljazzjoni u bit-tortura imma xorta tibqa’ ħarsa profonda, ħarsa ta’ mogħdrija, ta’ ħniena u ta’ mħabba.

U issa jerġa’ jisimgħu rxuxtat u jerġa’ jiltaqa’ ma’ dik il-ħarsa li tinfed il-qlub. “Xmun, Bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?” (Ġw 21:15). Il-preżunzjoni kważi naturali ta’ Pietru tinħall quddiem din il-mistoqsija. “Int taf li nħobbok” (Ġw 21:15).

Kemm hu importanti li aħna nkunu nistgħu nirrepetu dawn il-kliem: “Inti taf li nħobbok”; għaliex dawn il-kliem jitfgħu l-fiduċja kollha tagħna fil-ħarsa ħanina ta’ Ġesù. L-imħabba tagħna tistrieħ fil-qalb tiegħu minfuda minħabba dnubietna li minnha joħroġ l-ilma li jsaffina u d-demm li jmantnina.

Nixtieq nirringrazzja lill-erba’ djakni l-ġodda tagħna li fis-santa li għażlu b’tifkira – xogħol ta’ Natanael – interpreta l-ħasil tar-riġlejn bl-ilma ħiereġ mill-qalb minfuda ta’ Ġesù. Għaliex aħna nissaffew meta niġbru mill-qalb ta’ Ġesù dak kollu li għandna bżonn biex inkunu fidili lejh. Kull tip ta’ preżunzjoni li ġġagħalna naħsbu li l-fedeltà tagħna hija xi bravura tagħna, hija frugħa, hija espressjoni ta’ dak in-neo Pelaġjaniżmu li jħobb isemmi u jikkundanna f’isem Ġesù, il-Papa Franġisk, u meta jgħidilna fi kliem ieħor: il-bniedem ma jsalvax lilu nnifsu, għandu bżonn lil Alla biex isalvah.

Aħna m’aħniex kapaċi nkunu fidili lejn il-wegħdiet li se nġeddu llum mingħajr l-għajnuna tal-Mulej u mingħajr ma nistrieħu fl-abbiss ta’ ħniena li hemm fil-qalb imqaddsa tiegħu li tiddi mill-ħarsa kollha mħabba, kollha kompassjoni, kollha simpatija tiegħu. Il-Mulej iħares lejna wieħed wieħed b’simpatija kbira. M’għażilniex għaliex bravi jew qaddisin jew għaliex sbieħ, imma l-ħarsa tiegħu tagħmilna sbieħ minn ġewwa bħalma għamel ukoll quddiem iż-żagħżugħ għani: ħares lejh bi mħabba.

U ma’ kull mistoqsija li għamel lil Pietru, lil Xmun bin Ġwanni, Ġesù jħares lejn il-blata. “Tħobbni int?” (Ġw 21:16). U l-għafsa ta’ qalb għat-tielet mistoqsija hija għafsa ta’ qalb neċessarja għalina. Ejjew ma nibżgħux mill-għafsa ta’ qalb meta aħna u nħarsu lejn Ġesù nirrealizzaw kemm m’aħniex denji, kemm nagħmlu ħmerijiet, – mhux għamilna – kemm nagħmlu ħmerijiet. U jibqa’ jieħu paċenzja bina u jibqa’ jużana għax hekk irid.

“Irgħa l-ħrief tiegħi”. “Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21:15.17). Irgħa. In-nagħaġ mhux tiegħek, tiegħi. Il-fatt li jafdana li nkunu ragħajja ma jfissirx li n-nagħaġ u l-ħrief saru tagħna, għadhom tiegħu u rridu nagħtuh kont. Il-ħarsa ta’ Ġesù tagħtina l-qawwa li għandna nħarsu lejn il-merħla bl-istess ħniena, bl-istess mogħdrija, bl-istess imħabba.

Fl-Ewwel Qari għandna r-rakkont mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli kapitlu 3 fejn l-ewwel xhieda wara l-Maddalena tal-qabar vojt, Pietru u Ġwanni huma u sejrin lejn “it-tempju għat-talb tat-tlieta ta’ waranofsinhar” (Atti 3:1), jiltaqgħu ma’ raġel magħtub minn ġuf ommu. B’xi mod dan ir-raġel jirrapreżenta l-umanità, magħtuba minn ġuf ommha: dak l-impediment kważi naturali, oriġinali li ma jħalliniex naqbżu bil-ferħ u niġru kif nixtiequ. U dan qiegħed hemm, bħal tant nies li niltaqgħu magħhom fil-ħajja tas-saċerdozju tagħna, jittalbu ftit imħabba, jittalbu l-ħniena tagħna.

U x’jgħidlu Pietru waqt li jitfa’ għajnejh fuqu: “Ħares lejna” (Atti 3:11). Ħalli li l-ħarsa tiegħek tiltaqa’ mal-ħarsa tiegħi għax jien li tgħallimt kif iħares lejja l-Mulej Ġesù, tgħallimt ukoll inħares lejk bl-istess ħarsa ta’ ħniena, ta’ mogħdrija, ta’ mħabba. U dawwar għajnejh fuqhom bit-tama li jaqla’ xi ħaġa mingħandhom. “Imma Pietru qallu: ‘Fidda u deheb m’għandniex imma dak li għandi, dak li għandi se nagħtik. Fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi” (Atti 3:6).

Kien hemm papa, li xi ħadd semgħu jgħid kemm għandna fidda u deheb. Qallu: ‘Santità, fidda u deheb għandek kemm trid, imma għandek il-qawwa tgħid lil dak il-magħtub qum u imxi?’ Dak li għandi, aħna x’għandna x’noffru? Anke meta naqsmu mill-ġid tal-karità, b’liema spirtu nagħmluh? Miż-żejjed tagħna biex ma tiksirlix iżjed rasi u ma ddejjaqnix? Aħna x’għandna x’nagħtu? Fidda u deheb m’għandix, minn dak li għandi se nagħtik. Qum imma mhux f’ismi, f’isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi.

Waħda mill-affarijiet li jimpressjonawni – bħalma jiġri dejjem meta inti taqra l-Qari – ikun hemm xi ħaġa li tolqtok u tgħid: ‘jiena ili naqrah dan snin’. U forsi anke għaliex illum ittrasferejna l-quddiesa tat-tberik taż-żjut u qed niċċelebraw il-fatt li Ġesù ta’ Nazaret huwa l-midluk, il-Messija, il-Kristu. Imma laqtitni din il-ħaġa li kemm Pietru kif ukoll Pawlu meta jitkellmu fuq Ġesù jżidu t-titlu Kristu. Anke hawnhekk Pietru lil dan il-magħtub ma jgħidlux Ġesù ta’ Nazaret imma jgħidlu Ġesù Kristu ta’ Nazaret. U anke l-Appostlu Missierna fl-Ittra lill-Galatin jitkellem mir-rivelazzjoni li rċieva personalment minn Ġesù Kristu l-Midluk.

Ilbieraħ kont qed naqra bi preparazzjoni għall-Evanġelju ta’ dalgħodu, fejn jitkellem fuq li ma tippreferihx għall-ġenituiri u għall-qraba u l-ħbieb, ftit tagħrif fuq il-persekuzzjonijiet għax l-Evanġelju nkiteb f’mumenti ta’ kriżi fejn l-Insara kellhom jagħmlu għażliet ta’ qsim il-qalb. U rġajt qrajt dak li konna naqraw fil-History of the Church, ir-rakkont ta’ Tacitus mill-Annali tiegħu meta jitkellem fuq dak Christo, dawn il-Christianos li l-fundatur tagħhom huwa xi ħadd jismu Christo u li nqatel, jgħid Tacitus, taħt wieħed mill-gvernaturi tagħna Ponzju Pilatu. Dak kien il-laqam li bih Ġesù ta’ Nazaret kien magħruf anke fid-dinja pagana prattikament kontemporanja tal-ewwel seklu: Kristu l-midluk.

F’ismu Pietru jagħti dak li għandu: il-fejqan bħalma għamel Pawlu l-Appostlu Misierna fostna. Hawnhekk fejn qegħdin huwa monument antik, bħalma hemm propju fl-iskrizzjoni qabel toħroġ minn dan il-katidral, magħmula x’aktarx fi żmien il-predeċessur tiegħi Cocco Palmieri. Hawnhekk ifakkar il-fejqan ta’ missier Publiju. Issa jekk hux hawn jew Burmarrad insomma nħalli għal min jifhem iżjed minni. Imma Pawlu l-Appostlu Missierna bħalma għamel Pietru mal-magħtub fostna wera l-qawwa ta’ Kristu bil-fejqan.

U aħna llum u nikkonsagraw iż-żjut tal-katekumeni li jiffortifika lil ħutna fil-ġlieda kontra l-ħażen, id-dilka tal-morda li hija dilka tal-fejqan radikali u spiritwali u l-Griżma nitolbu lil-poplu Nisrani jiskopri l-ħarsa tal-midluk, il-ħarsa ta’ Kristu li hija l-fwieħa vera tal-Knisja. Aħna l-Griżma nħalltuha bin-nard ifuħ għax hija sinjal tal-preżenza ta’ Ġesù li bil-ħarsa ħanina tiegħu jfewwaħ l-univers.

U nixtieq nikkonkludi b’talba li personalment, jiena u nitlob fuq il-liturġija tal-lum, għamlitli kuraġġ kbir. Se nitolbuha fuq l-offerti t-talba ta’ fuq l-offerti tal-quddiesa tal-vġili super oblata u l-Knisja f’dan il-jum solenni titlob hekk: u tant inħoss li din it-talba hija magħmula għalina għal kull wieħed minna saċerdoti: “Kollna ferħana bil-festa solenni tal-appostli San Pietru u San Pawl, inqiegħdu fuq l-artal tiegħek, Mulej, dawn l-offerti: il-ħobż u l-inbid biex daqskemm nibżgħu min-nuqqas ta’ merti tagħna, daqshekk ieħor inqawwu qalbna li ssalvana t-tjieba tiegħek”.

Fi proporzjon: daqskemm nibżgħu min-nuqqas ta’ merti tagħna, daqshekk ieħor inqawwu qalbna li ssalvana t-tjieba tiegħek.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 3:1-10
Salm: 19:2-3, 4-5
Qari II: Gal 1:11-20
Evanġelju: Ġw 21:15-19

More Photos >>