Pittura tal-Beatu Nazju Falzon, fil‑Knisja ta’ Ġieżu, il‑Belt Valletta

Mil-lum ir-relikwa tal-Beatu Malti Nazju Falzon se tkun esposta għall-qima tal-pubbliku fil-Kappella ta’ San Ġużepp, fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù tal-Patrijiet Franġiskani, ir-Rabat. Il-Beatu Nazju Falzon kien devot kbir ta’ San Ġużepp u se tkun hemm fl-Erbgħat ta’ San Ġużepp u anke matul il-jiem tal-Festa ta’ San Ġużepp. Se tibqa’ esposta sad-19 ta’ Marzu 2022. Din ir-relikwa nġabet mill-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù (Ta’ Ġieżu) tal-Patrijiet Franġiskani tal-Belt Valletta, fejn jinsabu midfuna l-fdalijiet tal-Beatu Nazju Falzon.

“Nazju Falzon ħa l-qawwa u l-ispirazzjoni mill-Ewkaristija, mit-talb quddiem it-Tabernaklu, mid-devozzjoni lejn Marija u lejn ir-Rużarju, u mill-imitazzjoni ta’ San Ġużepp. M’hemmx triq oħra aħjar biex tqimu l-memorja tal-Beatu Nazju Falzon,” kien qal San Ġwanni Pawlu II lill-poplu Malti.

Sors: Newsbook.com.mt