L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Lil Ġesù nafuh jgħallem, u f’diversi drabi kien hemm min għamillu mistoqsija, jew aktar minn waħda. Xi wħud staqsewh biex ikunu jafu iktar jew ikollhom l-affarijiet aktar ċari, kif għamlu d-dixxipli tiegħu; oħrajn, bħal xi Fariżej, biex jonsbuh jew biex jaqilgħu xi polemika. Imma mbagħad hemm drabi oħra fejn hu Ġesù li jagħmel mistoqsija jew aktar minn waħda; u jagħmilha mhux għax ma kienx jaf ir-risposta, imma aktar biex jgħin lin-nies jaħsbu u jwassal għall-punt li jixtieq jagħmel.
Hawnhekk, fl-Evanġelju tal-lum, hu jagħmel żewġ mistoqsijiet. Interessanti niftakru li din is-silta tiġi wara numru ta’ drabi fejn lil Ġesù għamlulu diversi mistoqsijiet: pereżempju, jekk għandhomx iħallsu t-taxxa lil Ċesri, jew dwar il-qawmien mill-imwiet, jew liema hu l-kmandament il-kbir. U Ġesù kull darba jwieġeb. Imma hawn, huwa hu li jistaqsi. Jgħid, kif smajna fl-Evanġelju: kif inhi din li lill-Messija jsejħulu bin David, kif kienu jagħmlu l-iskribi, imma mbagħad David – qed jikkwota Salm 110 – sejjaħlu Sidu? Smajna fl-Evanġelju s-silta mis-Salm: “Il-Mulej qal lil Sidi…” Tidher qisha kontradittorja din. Jekk hu bin David, kif inhu wkoll Sid ta’ David?
Meta nisimgħu mhux biss dak li għallem Ġesù imma wkoll il-mistoqsijiet li għamel Ġesù, li jqanqlu diskussjoni u li jgħinuna biex naħsbu, hemmhekk ukoll dawn iħallu ħafna ġid
Hawnhekk Ġesù ma jweġibx din il-mistoqsija, għalkemm f’mumenti oħra juri ċar ir-risposta għal din il-mistoqsija. Imma jolqtok kif l-Evanġelju jsemmi n-nies li “qagħdet tisimgħu bil-qalb kollha”. Għax hu meta tisma’ lilu bil-qalb kollha, kif għamlu dawn in-nies, li tista’ tifhem kif il-Messija kien bin David, imma fl-istess waqt kien ukoll il-Mulej; u Ġesù hu l-Messija u l-Mulej.
Issa meta aħna naqraw hawnhekk li n-nies qagħdet tisimgħu “bil-qalb kollha”, irridu niftakru li ma kienx dejjem hekk. Kien hemm nies li lil Ġesù ma kinux jisimgħuh bil-qalb, imma kellhom qisu preġudizzju li jimblokkahom. U jpoġġuh qisu mill-ewwel f’garzella – jiġifieri, jgħid x’jgħid, ġa għandhom opinjoni fuqu. Kien hemm nies li ma aċċettawhx lil Ġesù.
Il-Kelma ta’ Alla lilna llum qed tgħidilna xi ħaġa importanti ħafna: li aħna msejħin biex lil Ġesù nisimgħuh “bil-qalb kollha”. Nagħmlu dan fit-talb, għax nafu li t-talb, qabel ma hu li aħna nitkellmu ma’ Alla, hu li nisimgħuh l-ewwel, fis-skiet. Inħallu dak l-ispazju fejn nisimgħuh. Meta nisimgħu l-kelma tiegħu, il-kelma ta’ Ġesù fl-Evanġelju, hemmhekk ukoll tista’ tidħol f’ħajjitna u tagħmel ħafna ġid. U meta nisimgħu mhux biss dak li għallem Ġesù imma wkoll il-mistoqsijiet li għamel Ġesù, li jqanqlu diskussjoni u li jgħinuna biex naħsbu, hemmhekk ukoll dawn iħallu ħafna ġid. Hu biss meta aħna nisimgħuh bil-qalb kollha li nistgħu nagħrfuh tassew bħala l-Mulej, u dan l-għarfien f’ħajjitna jkun nixxiegħa ta’ ħajja ġdida.
Nitolbu lill-Mulej illum li aħna nisimgħuh bil-qalb kollha. Li aħna dejjem ikollna qalbna miftuħa għalih, biex nisimgħuh u b’dal-mod nistgħu nagħrfuh tassew bħala l-Mulej, u aktar ma nagħrfu lilu, aktar nagħrfu lilna nfusna, u nagħrfu bl-għajnuna tiegħu wkoll it-triq li għandna nimxu fiha f’ħajjitna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju