Fuq talba ġenerali, ser tibda tixxandar Quddiesa oħra mill‑Kurja tal‑Arċisqof minbarra dik li qed tixxandar kuljum fid-9:30 a.m. Din ser tixxandar fil-5:30 p.m., mit-Tnejn sal-Ġimgħa, u fi tmiem il-Quddiesa ser tingħad ukoll it-talba tar-Rużarju. Din il‑bidla fil‑ħinijiet tidħol fis‑seħħ mil-lum it-Tnejn 16 ta’ Marzu.
Il-Quddiesa ta’ filgħodu ser tiġi ċċelebrata mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi filwaqt li l-Quddiesa ta’ filgħaxija u r-Rużarju ser jitmexxew mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, bħala mezz biex l-Isqfijiet ikunu qrib l-Insara f’dan il-mument partikolari għal pajjiżna.
Il-Quddies ta’ filgħodu u filgħaxija u r-Rużarju qed jixxandru fuq TVM2, il‑website uffiċjali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Knisja.mt u n‑newsportal Newsbook.com.mt.