L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù ħin minnhom jgħid frażi li hemm bżonn nifhmuha u nixtarruha. “Il-Prinċep tad-dinja ġej. Kontra tiegħi xejn ma jista’ jagħmel; iżda ħalli d-dinja tagħraf li jiena nħobb lill-Missier u li nagħmel kif ordnali l-Missier” (Ġw 14:30-31). Xi jrid jgħid Ġesù? Ġesù konxju li waslet is-siegħa tiegħu. Kien ħabbarha għal darba, darbtejn, tlieta “li se jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar, u l-kittieba; dawn jaqtgħuhielu għall-mewt, jerħuh f’idejn il-pagani, biex jiddieħku bih, u jagħtuh is-swat u jsallbuh” (Mt 20:18-19). Kien konxju mill-mument tal-umiljazzjoni kbira tiegħu. Hu jirrealizza, li din hi opra mhux biss tal-bnedmin, imma wkoll tal-Prinċep ta’ din id-dinja, tax-Xitan, li jinqeda bina l-bnedmin għall-iskopijiet tiegħu biex ikompli jirvella kontra Alla.

B’xi mod, hawnhekk terġa’ ssir taqbida kbira, li biha jibdew il-Kotba Mqaddsa: it-taqbida bejn is-serp l-antik, l-għadu tal-bniedem, u Adam u Eva, l-ġenituri tal-umanità. Imma din id-darba, f’Ġesù, il-Prinċep ta’ din id-dinja, ix-Xitan, ma jista’ jagħmel xejn; imma l-Mulej, billi jgħaddi mill-passjoni ħarxa tiegħu se jagħti xhieda li jħobb lill-Missier u li jagħmel kif jordnalu l-Missier (ara Ġw 14:31).

Jekk l-għadu antik tagħna ġagħlna ngħidu ‘le’, Ġesù ġie fid-dinja biex jgħid ‘iva’, f’ismi u f’ismek. Jekk f’Adam u Eva, il-ġenituri tagħna, lil Alla għednielu ‘le’ għax konna sedotti u ingannati mill-Prinċep ta’ din id-dinja; Ġesù li mhux ingannat, mhux mirbuħ mill-Prinċep ta’ din id-dinja; imma Hu Alla veru, u bniedem veru, jgħid ‘iva’. Allura jippurifika d-diżubbidjenza tagħna. Il-‘le’ tagħna f’Ġesù ssir ‘iva’ lil Alla l-Missier.

Din hi l-missjoni tas-saċerdot. Nawguralkom għeżież saċerdoti ġodda tagħna biex intom u tgħixu dan il-kunflitt li ġej min-natura tagħna l-bnedmin – aħna kuljum ikollna din it-taqbida fina bejn il-‘le’ lil Alla u l-‘iva’ lil Ġesù, li ssir ‘iva’ lill-Missier – ħafna drabi l-Mulej jirbaħ fis-sagrament tal-qrar u fis-sagrament tal-quddiesa li niċċelebraw għax fih nerġgħu ngħixu l-passjoni ħarxa tiegħu, il-qawmien tiegħu mill-imwiet; li hemm l-‘iva’ ta’ Ġesù f’isimna, li jiltaqa’ mal-‘iva’ tal-Missier; għax wara kollox il-qawmien ta’ Ġesù hu meta l-Missier jgħid ‘iva’ fuq l-offerta tal-Iben u l-Iben jgħidlu: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Nixtiequ nħobbuk, nixtiequ nkunu miegħek, itlob f’isimna. Hu l-avukat tagħna. Il-Missier jilqa’ din l-offerta tal-Iben, li hu wkoll, l-Alla magħmul bniedem, u jqajmu mill-imwiet. Fl-irxoxt ta’ Ġesù hemm is-siġill. Il-Missier li jissiġilla fuq l-offerta tal-Iben.

Għalhekk is-saċerdot, hu u jilqa’ l-offerta tal-poplu ta’ Alla, jiftakar fil-kliem li qal l-isqof, dakinhar tal-ordinazzjoni: ‘Fassal ħajtek fuq l-offerta ta’ Alla li se ikollok f’idejk; għamel li ħajtek li tkun tixbah il-misteru lis-salib ta’ Ġesù Kristu’. Dan hu l-misteru tas-Salib ta’ Kristu; mhix kundanna għas-sadiżmu jew masokiżmu li tkun saċerdot; taħqar lilek innifsek u wara taħqar lil ħaddieħor; imma li tingħaqad mal-offerta ta’ Ġesù.

Fil-ħajja tagħna min jaf kemm-il darba ngħidulu ‘le’ lil Ġesù. Din hi serje li tkompli. Imma l-Mulej jaħfrilna kontinwament. Tinsewx dik it-talba li issa qegħdin titolbu: ‘La tħallini qatt ninfired minnek’. Tinsewhiex it-talba li l-Knisja tpoġġi fuq ix-xufftejn tas-saċerdot qabel jitqarben.

Aħna nafdawkom f’idejn Marija li kienet dejjem ‘iva’. Hi l-Eva l-ġdida, li ma ħallietx lis-serp antik, lix-Xitan jingannaha. Hi mnissla mingħajr tebgħa, li tisħaq ras is-serp infernali; u hi l-bidu tal-istorja sabiħa tas-salvazzjoni tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 14:5-18
Salm: 113B (115):1-2,3-4,15-16
L-Evanġelju: Ġw 14:21-26

Aktar ritratti >>