Il-President Myriam Spiteri Debono kellha laqgħa privata mal-Papa Franġisku fil-Vatikan.
Matul il-laqgħa, il-Papa tkellem dwar l-esperjenza tiegħu f’Malta waqt iż-żjara uffiċjali tiegħu fl-2022 u ġedded il-memorji ta’ meta kien jistudja fi Buenos Aires biex isir Ġiżwita, fejn jistudjaw flimkien miegħu kellu żewġ studenti Għawdxin.
Il-Papa ddiskuta diversi suġġetti oħra, inkluż in-nisa fit-tmexxija u l-importanza li t-twelid tal-ulied jiżdied.
Il-President ippreżentat lill-Papa apparat mediku li se jintuża fil-klinika Ambulatorio Madre di Misericordia, li, fuq inizjattiva tal-Papa, toffri servizzi tas-saħħa b’xejn lil pazjenti fil-bżonn. Il-Papa rċieva wkoll ċestin ta’ pjetanzi Maltin u Għawdxin.
Wara, il-President żaret il-klinika fejn irrikonoxxiet il-ħidma li ssir, u rringrazzjat lit-tmexxija talli ta’ kull sena tagħti opportunità diretta ma’ pazjenti, lill-istudenti tal-mediċina Maltin.
Matul iż-żjara tagħha f’Ruma, il-President żaret ukoll l-Isptar Bambino Gesù, li joffri kura speċjalizzata lit-tfal, u li jilqa’ pazjenti Maltin ta’ kull sena, kif ukoll studenti tal-mediċina minn Malta.
Fil-laqgħa mal-Arċisqof Paul Gallagher, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan għar-Relazzjoni mal-Istati, l-Arċisqof semma r-rwol ta’ Malta fil-fora internazzjonali, partikolarment ir-rwol tagħha bħala Chair tal-OSCE. Il-laqgħa trattat ukoll is-sitwazzjoni internazzjonali, b’mod partikolari r-rabtiet fil-Mediterran, fejn issemmew is-Sirja u l-Libja.
Il-President Spiteri Debono se tkompli ż-żjara tagħha fil-Polonja, fejn se tattendi ċ-ċerimonja uffiċjali għall-80 anniversarju mill-liberazzjoni tal-kamp ta’ konċentrament Auschwitz-Birkenau.
Fiż-żjara tagħha għand il-Papa, il-President kienet akkumpanjata minn żewġha, Dr Anthony Spiteri Debono, membri oħra tal-familja tagħha, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Dr Ian Borg u l-familja tiegħu, l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit, u uffiċjali mill-Uffiċċju tal- President ta’ Malta.
Sors: Newsbook Malta