Il‑Kurja tal‑Arċisqof ser tibda xandiriet regolari biex l‑Insara kollha jkunu jistgħu jingħaqdu fit‑talb u jevitaw li joħorġu minn djarhom skont il‑pariri mogħtija mill‑awtoritajiet tas‑saħħa.

Dawn ix‑xandiriet ser isiru mill‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana, u ser jixxandru fuq TVM2, il‑website uffiċjali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Knisja.mt u n‑newsportal Newsbook.com.mt.

Għada, il‑Ġimgħa 13 ta’ Marzu f’nofsinhar, l‑Arċisqof Charles J. Sicluna ser imexxi t‑talba tar‑Rużarju quddiem Ġesù Sagramentat.

Mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa, minn nhar it‑Tnejn 16 ta’ Marzu, ser tixxandar Quddiesa fid‑9:30 a.m. u Rużarju quddiem Ġesù Ewkaristija fil‑5:30 p.m.

It‑talb ser ikun offrut b’mod speċjali għal dawk kollha milquta mill‑Coronavirus u għal dawk li qegħdin joffru s‑servizzi tagħhom u jieħdu deċiżjonijiet fil‑qasam tas‑saħħa.

Il‑Knisja tħeġġeġ ukoll biex il‑familji jitolbu t‑talba tar‑Rużarju.