Ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Wara s-Sena Ġubilari, li matulha waqafna fuq il-misteri tal-ħajja ta’ Ġesù, qed nibdew ċiklu ġdid ta’ katekeżijiet li se jkun iddedikat lill-Konċilju Vatikan II u lill-qari mill-ġdid tad-Dokumenti tiegħu. Hija okkażjoni prezzjuża biex niskopru mill-ġdid il-ġmiel u l-importanza ta’ din il-ġrajja ekkleżjali. San Ġwanni Pawlu II, fi tmiem il-Ġublew tas-sena 2000, afferma hekk: “Inħoss iktar minn qatt qabel id-dmir li nindika l-Konċilju, bħala l-grazzja kbira li l-Knisja gawdiet minnha fis-seklu 20” (Ittra appostolika Novo millennio ineunte, 57).

Flimkien mal-anniversarju tal-Konċilju ta’ Nicea, fl-2025 fakkarna s-sittin sena mill-Konċilju Vatikan II. Imqar jekk iż-żmien li jifridna minn din il-ġrajja mhuwiex tant, huwa daqstant ieħor minnu li l-ġenerazzjoni ta’ Isqfijiet, teologi u Kattoliċi tal-Konċilju Vatikan II illum ma għadhiex aktar. Għalhekk, waqt li nħossu s-sejħa li ma nitfux il-profezija tiegħu u li nfittxu mill-ġdid toroq u modi biex nattwaw l-intuwizzjonijiet tiegħu, huwa importanti li mill-ġdid insiru nafuh mill-qrib, u dan nagħmluh mhux minn “dak li smajna” jew l-interpretazzjonijiet li ngħataw tiegħu, imma billi naqraw mill-ġdid id-Dokumenti tiegħu u nirriflettu fuq il-kontenut tagħhom. Fil-fatt dan hu l-Maġisteru li għadu jsawwar sal-lum il-kewkba li turi t-triq tal-mixja tal-Knisja. Kif għallem Benedittu XVI, “mal-medda tas-snin id-dokumenti ma tilfux l-attwalità tagħhom; it-tagħlim tagħhom jidher partikularment pertinenti f’relazzjoni mal-ġrajjiet ġodda tal-Knisja u tas-soċjetà globalizzata tal-lum” (L-ewwel messaġġ wara l-Quddiesa mal-Kardinali eletturi, 20 ta’ April 2005).

Ritratt: Vatican Media

Meta l-Papa San Ġwanni XXIII nieda l-miġemgħa konċiljari, fil-11 ta’ Ottubru 1962, tkellem fuqha bħala ż-żerniq ta’ jum ta’ dawl għall-Knisja kollha. Il-ħidma tal-għadd kbir ta’ Padri li nġemgħu flimkien, mill-Knisja tal-kontinenti kollha, fil-fatt fetħet it-triq għal staġun ġdid fil-Knisja. Wara riflessjoni biblika, teoloġika u liturġika għanja fis-seklu 20, il-Konċilju Vatikan II skopra mill-ġdid il-wiċċ ta’ Alla bħala Missier li, fi Kristu, isejħilna biex inkunu wliedu; ħares lejn il-Knisja fid-dawl ta’ Kristu, dawl tal-ġnus, bħala misteru ta’ komunjoni u sagrament ta’ għaqda bejn Alla u l-poplu tiegħu; beda riforma liturġika importanti billi qiegħed fiċ-ċentru l-misteru tas-salvazzjoni u s-sehem attiv u konxju tal-Poplu kollu ta’ Alla. Fl-istess waqt, għenna ninfetħu għad-dinja u nilqgħu l-bidliet u l-isfidi tal-epoka moderna fid-djalogu u fil-korresponsabbiltà, bħala Knisja li tixtieq tiftaħ dirgħajha lejn l-umanità, issir eku tat-tamiet u tat-tbatijiet tal-popli, u tikkollabora fil-bini ta’ soċjetà iżjed ġusta u iżjed fraterna.

Grazzi għall-Konċilju Vatikan II, “il-Knisja ssir kelma; il-Knisja ssir messaġġ; il-Knisja ssir kollokju” (San Pawlu VI, Ittra enċiklika Ecclesiam suam, 67), u tħabrek biex tfittex il-verità permezz tat-triq tal-ekumeniżmu, tad-djalogu interreliġjuż u tad-djalogu mal-persuni ta’ rieda tajba.

Ritratt: Vatican Media

Dan l-ispirtu, dan l-atteġġjament interjuri, għandu jikkaratterizza l-ħajja spiritwali tagħna u l-azzjoni pastorali tal-Knisja, għax għad irridu nwettqu b’mod iktar sħiħ ir-riforma ekkleżjali f’dawl ministerjali u, quddiem l-isfidi tal-lum, aħna msejħin nibqgħu interpreti attenti tas-sinjali taż-żminijiet, ħabbara hienja tal-Vanġelu, xhieda kuraġġjużi ta’ ġustizzja u ta’ paċi. Mons. Albino Luciani, li mbagħad sar il-Papa Ġwanni Pawlu II, bħala Isqof ta’ Vittorio Veneto, fil-bidu tal-Konċilju kiteb b’mod profetiku: “Hemm dejjem il-bżonn li nwettqu mhux tant organizzazzjonijiet jew metodi jew strutturi, imma qdusija iktar profonda u mxerrda. […] Jista’ jkun li l-frott mill-aqwa u kotran ta’ Konċilju jidher wara sekli u jimmatura meta bit-taħbit kollu negħlbu kuntrasti u sitwazzjonijiet ostili”.[1] Mela, li nerġgħu niskopru l-Konċilju, kif afferma l-Papa Franġisku, jgħinna biex “nerġgħu nagħtu l-primat lil Alla u lil Knisja li tkun miġnuna bl-imħabba għall-Mulej tagħha u għall-bnedmin kollha, maħbuba minnu” (Omelija fis-60 anniversarju mill-bidu tal-Konċilju Vatikan II, 11 ta’ Ottubru 2022).

Ħuti, dak li qal San Pawlu VI lill-Padri Konċiljari fi tmiem il-ħidmiet, jibqa’ għalina wkoll, illum, kriterju ta’ orjentament; hu afferma li kienet waslet is-siegħa tat-tluq, li jħallu l-ġemgħa Konċiljari biex imorru jiltaqgħu mal-umanità u jwasslulha l-aħbar it-tajba tal-Vanġelu, fl-għarfien li huma għexu żmien ta’ grazzja li fih inġabru passat, preżent u futur: “Il-passat: għax hawn inġabret il-Knisja ta’ Kristu, bit-tradizzjoni tagħha, l-istorja tagħha, il-Konċilji tagħha, id-Dutturi tagħha, il-Qaddisin tagħha. […] Il-preżent: għax aħna issa se nitilqu biex immorru għand id-dinja tal-lum, bil-miżerji tagħha, bit-tbatijiet tagħha, bid-dnubiet tagħha, imma anki bil-kisbiet tal-għaġeb tagħha, il-valuri tagħha, il-virtujiet tagħha. […] Il-ġejjieni, fl-aħħar nett, jinsab hemm, fis-sejħa urġenti tal-popli għal ġustizzja ikbar, fir-rieda tagħhom għall-paċi, fl-għatx tagħhom konxju jew inkonxju għal ħajja ogħla: preċiżament dik li l-Knisja ta’ Kristu tista’ u trid tagħtihom” (San Pawlu VI, Messaġġ lill-Padri Konċiljari, 8 ta’ Diċembru 1965).

Għalina wkoll huwa hekk. Jekk nersqu lejn id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II u niskopru mill-ġdid il-profezija u l-attwalità li fihom, inkunu nilqgħu t-tradizzjoni għanja tal-ħajja tal-Knisja u, fl-istess waqt, nistaqsu lilna nfusna dwar il-preżent u nġeddu l-ferħ li nħaffu għal għand id-dinja biex inwasslulha l-Vanġelu tas-saltna ta’ Alla, saltna ta’ mħabba, ta’ ġustizzja u ta’ paċi.

Ritratt: Vatican Media

[1] A. Luciani – Giovanni Paolo I, Note sul Concilio, in Opera omnia, vol. II, Vittorio Veneto 1959-1962. Discorsi, scritti, articoli, Padova 1988, 451-453.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard