L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

X’sens għandu li qegħdin niċċelebraw illum il-Milied – il-ġrajja ta’ ferħ kbir – fis-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha bħalissa fis-soċjetà tagħna f’Malta? Naħseb li l-Milied għandu messaġġ importanti ħafna għal ħajjitna llum. Insemmi żewġ affarijiet, fost diversi li tista’ tirrifletti fuqhom f’din il-ġrajja.

Dan hu s-Salvatur

L-ewwel nett, dak li smajna f’kull qari llum fil-Kelma ta’ Alla, hu ċar: “Illum tweldilna Salvatur”. Meta aħna niċċelebraw il-Milied, it-twelid tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem bħalna u fostna, hemmhekk f’din t-tarbija ta’ Betlehem għandna s-Salvatur. Huwa hu l-uniku Salvatur. Hu li jsalvana mid-dnubiet tagħna, hu li jista’ jfejjaqna, hu li jista’ jimla l-qalb tagħna bil-paċi u l-ferħ tassew, hu li jista’ jurina tassew id-direzzjoni f’ħajjitna.

Għalhekk l-istedina tal-Milied hi biex lil Ġesù nagħrfuh tassew bħala s-Salvatur tagħna, u f’ħajjitna ma nqegħdux flok Ġesù xi tip ta’ salvatur ieħor. Jista’ jiġri dan meta aħna nwarrbu lil Ġesù biex inqiegħdu l-ewwel lil ħaddieħor – dan iħalli vojt f’ħajjitna, kultant ħafna mrar. L-esperjenza ta’ ħajjitna turina li nkunu żbaljati li aħna nqiegħdu l-fiduċja tagħna f’xi ħadd li jieħu post Ġesù Kristu.

L-essenzjali fil-ħajja

It-tieni ħaġa hi l-għażla li għamel l-Iben ta’ Alla meta ġie fostna. Għażel li jitwieled fl-iktar post fqajjar, bla storbju, f’għar. Ġesù, it-tarbija f’Betlehem jgħallimna dak li hu importanti u dak li hu essenzjali, dak li jiswa tassew fil-ħajja.

Ġieli jiġri li f’ħajjitna nagħtu l-ikbar importanza lil dak li jgħaddi, kultant ukoll lil dak li hu ħażin. Meta tħares lejn it-tarbija fil-maxtura, tinduna li hemmhekk għandna dak il-kuntrast ma’ dak li fil-ħajja kultant jitqies bħala importanti.

Fl-għar ta’ Betlehem naraw li Ġesù fqajjar f’għar – f’kuntrast mal-ġiri wara flus, jew regħba għall-flus li tista’ taljenana u twassalna għal tant affarijiet ħżiena. Naraw lil Ġesù tarbija dgħajfa u fraġli – f’kuntrast mal-poter jew l-arroganza tal-poter. Hemmhekk naraw lil Ġesù li hu l-imħabba fil-milja tagħha. Fl-għar ta’ Betlehem hemm Alla li sar bniedem fostna għax iħobbna, u mdawwar b’Marija u Ġużeppi li ma jafux ħlief iħobbu – f’kuntrast mal-mibegħda li f’ħajjitna tista’ twassalna għal tant ħażen.

Fl-aħħar mill-aħħar, x’inhu l-isbaħ f’ħajjitna? Hi l-imħabba kif uriena Ġesù. U x’inhu l-iktar importanti fil-ħajja? Mhux dak li jgħaddi imma dak li jibqa’. Dan hu li għandna fit-tarbija ta’ Betlehem. Il-grotta ta’ Betlehem turina r-rispett sħiħ lejn il-ħajja u d-dinjità tagħha, u l-ħajja mdawra bl-għożża tal-imħabba.

Stedina

L-istedina li jagħmlilna Ġesù llum hu biex aħna nagħrfuh bħala Salvatur tagħna u bħala dak li jurina x’inhu l-iktar importanti fil-ħajja. Din hi stedina li hu jagħmel lilna – imma minna jiddependi naċċettawhiex jew le.

Ħaġa li tolqotni ħafna hi d-dettall tal-preżenza tal-baqra u l-ħmara fil-presepju viċin Ġesù tarbija. Minn fejn ġiet din id-drawwa li dawn ikunu fix-xena tat-twelid ta’ Ġesù? Fl-Evanġelju ma jissemmewx dawn iż-żewġ annimali speċifikament. Tissemma’ l-maxtura, għalhekk seta’ kien hemm annimali, u forsi kienu oħrajn. Imma hemm f’dan id-dettall ir-rabta ma’ dak li jgħid il-Profeta Iżaija fil-bidu tal-ktieb tiegħu, meta jgħid: “Il-gendus jagħraf lil sidu, u l-ħmar il-maxtura ta’ sidu, imma Iżrael ma jagħrafx, il-poplu ma jifhimx” (Iż 1:3). Kien qed jgħid lill-poplu: intom ma tagħrfux lil Alla bħala s-sid tagħkom.

Meta naraw fil-presepju l-baqra u l-ħmara, li jagħrfu s-sid tagħhom, dawn huma stedina għalina biex nagħrfu lil Ġesù bħala s-Sid tagħna, il-Mulej. Nitolbuh il-grazzja li ċ-ċelebrazzjoni tal-Milied tkun okkażjoni biex aħna nġeddu l-fiduċja tagħna fih bħala s-Salvatur tagħna, il-Mulej tagħna, u fid-dawl tiegħu dejjem ngħixu tassew dak li hu l-iktar importanti fil-ħajja tagħna biex ikollna l-paċi u l-ferħ tassew.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju