L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-silta mill-Evanġelju ta’ San Luqa hi waħda mill-aħħar mumenti ta’ Ġesù qabel jasal għall-Ġimgħa l-Kbira; hu wkoll diskors li jitkellem dwar it-tmiem imma jitkellem ukoll dwar il-kunflitti fl-umanità. Donnu Ġesù jgħaqqadhom it-tnejn li huma, donnu qed jgħid minħabba l-kefrija tal-bnedmin u d-dnub fil-qalb tal-bniedem, il-kunflitti jsiru parti integrali mill-istorja tagħna. Ix-xhieda tagħna l-Insara, li mhux dejjem kienet ta’ min ifaħħarha, għandha bżonn tkun ta’ dawk li jġibu l-paċi.

Il-Mulej imma jitlob għażla, għażla li għandha prezz għoli u javżana li meta nagħżluh mhux bilfors se jkollna l-ftaħir, l-approvazzjoni ta’ din id-dinja. Ħin minnhom jitkellem dwar persekuzzjoni, ħabs, assassinju (ara Lq 21:12). U din il-ħaġa narawha wkoll fl-istorja tal-umanità. Kemm persuni skomdi – li aħna nsejħu l-profeti tal-ġustizzja, il-profeti tal-imħabba – ġew eliminati għax kienu vuċi skomda, xewka f’dar l-egoiżmu tagħna l-bnedmin.

Wara kollox hu stess, il-Mulej stess jgħaddi minn din il-prova, hu stess huwa vittma innoċenti ta’ proċess inġust, ta’ akkużi kalunjużi, ta’ kundanna infami. Għax m’hemm xejn li l-Mulej javżana u jitlobna li ma jgħaddix minnu hu; bħalma javżana u jwegħedna li aħna, jekk nagħżlu s-sewwa, ma nintilfux.

Ir-risposta ta’ min għandu l-poter dittattorjali kienet: inti trid il-paċi? Nibgħatek għall-qatla.

Aħna u nsellmu lill-eluf, biex ma ngħidx miljuni, fl-istorja tal-umanità ta’ persuni li ntbagħtu għall-qatla mid-deċiżjonijiet ta’ min kellu l-poter, ta’ min użahom bħala parti minn logħba, imma logħba kiefra li toħloq orfni, romol u ħerba. Kull meta jkolli ċ-ċans inżur wieħed miċ-ċimiterji – f’pajjiżna wkoll għandna tal-vittmi tal-gwerer u ninnota l-età ċkejkna, żagħżugħa ta’ ħafna mis-suldati midfuna hemmhekk – nistaqsi lili nnifsi: imma dawn għaliex iċċaħħdu miż-żgħożija, mill-ħolm tagħhom, mit-tamiet tagħhom, mit-tħaddina tal-maħbubin tagħhom? Iċċaħħdu mill-potenzjal li jkunu ġenituri, nanniet u bużnanniet.

U aħna li qed ingawdu ħajjitna, istituzzjonijiet demokratiċi, il-ħajja, nibqgħu midjunin lejn dan is-sagrifiċċju. U nitolbu l-grazzja minn Alla li dan is-sagrifiċċju l-umanità ma tibqax titolbu mill-ġenerazzjonijiet żagħżugħa tagħha bħalma għadha tagħmel sal-lum.

Il-Mulej idawwal lil min għandu r-responsabbiltà jieħu d-deċiżjonijet, biex id-deċiżjonijiet tagħna jkunu tassew ta’ ġieħ għal min vittma innoċenti tar-rieda tal-politiċi, ħalla ħajtu.

Impressjonawni x-xeni li għalija kienu ta’ qsim il-qalb ta’ żgħażagħ f’pajjiż kbir li m’hemmx għalfejn insemmih, li kienu qed jipprotestaw kontra l-gwerrra u ttieħdu bilfors għal-lieva. Ir-risposta ta’ min għandu l-poter dittattorjali kienet: inti trid il-paċi? Nibgħatek għall-qatla. U dan illum, waqt li aħna qegħdin hawnhekk. Illum!

Il-pajjiż tagħna li bbenefika mis-sagrifiċċju ta’ ħafna hu midjun lejn is-sewwa u l-ġustizzja u bħalma għedt drabi oħra, in-newtralità ġusta tagħna qatt ma tista’ tkun kompliċità mal-inġustizzja, mal-arroganza u mal-ħerba tal-gwerra. Dik mhix newtralità, dik hi kompliċità. Il-Mulej idawwal lil min għandu r-responsabbiltà jieħu d-deċiżjonijet, biex id-deċiżjonijiet tagħna jkunu tassew ta’ ġieħ għal min vittma innoċenti tar-rieda tal-politiċi, ħalla ħajtu.

Agħtihom, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, jistrieħu fis-sliem.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Mal 3:19-20a
Salm: 97 (98):5-6,7-8,9a,9bċ
It-Tieni Qari: 2 Tess 3:7-12
L-Evanġelju: Lq 21:5-19