L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan l-Evanġelju, għalina li magħżula b’responsabbiltà fil-komunità, huwa spunt ta’ riflessjoni u eżami tal-kuxjenza. Bil-Kelma tiegħu, il-Mulej jixtieq inaddafna minn kull pretenzjoni, minn kull għatx jew regħba għad-dinjità u għall-poter, u jrid ifakkarna fil-missjoni ta’ vera: “Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom” (Mt 23:11). 

Aħna llum qegħdin infakkru u nitolbu b’suffraġju ta’ ragħaj tagħna, maħbub, li qeda l-poplu tiegħu għal snin twal. Hu għadda minn diversi staġuni. Jekk forsi kien hemm xi darba xi xewqa ta’ unur u ta’ dinjità fl-istorja tal-episkopat tal-maħbub Ġużeppi Mercieca, kienet storja ta’ purifikazzjoni kontinwa, bl-umiljazzjonijiet li kellu jġarrab. Forsi dan ukoll huwa mod kif il-Mulej, fil-ħniena tiegħu, isaffi lilna l-mexxejja tal-poplu tiegħu, u jfakkarna kontinwament li d-dinjità mogħtija lilna mhijiex għal għajnejn in-nies, lanqas biex inkabbru “l-filatteri u l-ġmiemen” (Mt 23:5) tagħna; lanqas biex infittxu “l-postijiet ewlenin fl-imwejjed” (Mt 23:6), jew “nixtiequ min isellmilna fil-pjazez” (Mt 23:7), għalkemm in-nies japprezzaw meta nsellmulhom; u lanqas biex ikollna xi titli kbar. Imma l-missjoni tagħna hija li aħna nkunu qaddejja. 

Jekk fit-tradizzjoni antika tagħna hemm min isejħilna ‘mgħallem’ u ‘missier’ u ‘mexxej’, donnu Ġesù fl-Evanġelju tal-lum donnu jgħidilna: ma għandkomx bżonn tużaw dawn it-titli fil-komunità. Żgur li l-intenzjoni tiegħu hija li jippurifika l-idea, li min hu mgħallem, li min hu missier, li min hu mexxej, għandu din il-missjoni minnu nnifsu, bil-merti tiegħu, bil-bravura tiegħu. Mentri meta aħna numiljaw ruħna quddiem din il-Kelma ta’ Ġesù, nifhmu li t-tagħlim, il-paternità, it-tmexxija huma tiegħu. Lil Pietru, meta jafdalu l-merħla, jgħidlu: “Tħobbni inti?… Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21:16). Din hi ħaġa importanti li nibqgħu niftakruha, aħna li qed nagħtu ħajjitna biex inkunu ta’ qadi għall-komunità.

Dak kollu li hu afdat lilna: il-patrimonju tal-Knisja, l-unità ta’ bejnietna, l-imħabba tal-fraternità, il-poplu għażiż tagħna, mhuwiex tagħna. Aħna mislufa lilu bħala qaddejja. Il-Mulej jippurifikana minn kull tip ta’ pussess u ta’ rebgħa. Il-Mulej jixtieq li jippurifikana. Il-wegħda tal-Profeta hija ċara. Il-Kelma tal-Profeta Iżaija hija ta’ konsolazzjoni kbira: “Ejjew, mela, nirraġunaw flimkien, jgħid il-Mulej, imqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlatt, isiru bojod bħas-silġ; imqar jekk ikunu ħomor bħall-kremżi, isiru bojod bħas-suf” (Iż 1:18). Ejjew nitolbu biex aħna nilqgħu l-istedina tal-Mulej: “Inħaslu u tnaddfu, neħħu l-ħażen ta’ għemilkom minn quddiem għajnejja, ieqfu mill-ħażen. Tgħallmu għamlu t-tajjeb, fittxu d-dritt, sewwu l-inġustizzji, iddefendu l-iltim, aqbżu għall-armla” (Iż 1:16-17).

Aħna u nsellmu t-tifkira ta’ Mons. Mercieca, nagħrfu fih, dan il-qaddej fidil u aqli, li għadda mill-għarbiel fin tal-umiljazzjoni, tal-kuntrarju, tal-persekuzzjoni, imma kien dejjem qrib ħafna l-iltim u l-fqir, l-armla, kull min hu fil-bżonn, il-morda, il-ħabsin. Nitolbu għalih, u nitolbu wkoll li fil-Knisja f’Malta jkollna dejjem ragħajja skont il-qalb ta’ Ġesù. 

Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi lilu, jistrieħ fis-sliem. Ammen. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Iż 1:10,16-20
Salm: 49 (50): 8-9,16bċ-17,21 u 23
L-Evanġelju: Mt 23:1-12