• Is‑Sibt 4 ta’ Marzu 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa li matulha kkonsagra l‑artal tal‑Kappella fid‑Dar tal‑Kleru, Birkirkara.

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Dar tal-Kleru, Birkirkara
    4 ta’ Marzu 2017

    Il-Kelma ta’ Alla f’dan l-ewwel Ħadd tar-Randan, tintroduċina għat-tema importanti f’din il-mixja li twassalna għall-Għid. It-talba li diġà tagħmel il-Knisja fl-Erbgħa tal-Irmied nagħmlu riferiment li nitkellmu minn “taqtiegħa kontra l-ħażen”  hija b’xi mod il-kundizzjoni tal-umanità la hemm it-tentatur, ix-xitan li jrid ifixkel il-pjan ta’ Alla għal kull wieħed u waħda minna u għalina lkoll bħala umanità.

    Il-Mulej kien ta ordni lill-ewwel bnedmin biex ikunu jistgħu jieklu mill-ħolqien u mis-siġar. “Mil-frott tas-siġar fil-ġnien nistgħu nieklu” tgħid il-mara lis-serp, ‘imma mill-frott li hemm f’nofs il-ġnien, Alla qalilna: ‘la tiklux minnu, u lanqas m’għandkom tmissuh, inkella tmutu” (Ġen 3, 2-3). U s-serp jingannaha, inissel fiha dubju dwar il-kmand tal-Mulej. “Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dak inhar li tieklu minnu, jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat li jafu t-tajjeb u l-ħażin” (v. 4).

    F’din ix-xbieha ta’ Alla mżejna bl-intellett u bir-rieda, jidħol id-dubju jekk Alla hux tassew benefattur jew inkella huwiex konkorrent. Donnu x-xitan qed jirbaħ l-ewwel ġlieda tiegħu, mhux il-battalja, l-ewwel ġlieda billi jikkonvinċi lill-umanità li Alla mhuwiex benefattur imma konkorrent,  li Alla l-ġid tiegħu mhux qiegħed hemm biex jaġjevolani imma qiegħed hemm biex hu jieħu xi soppravvent – mhuwiex missier, imma kmandant.

    “U l-mara”, l-umanità iċċedi quddiem it-tentazzjoni, “rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn” – u hawnhekk jidħlu żewġ istinti kbar: l-istint li wieħed ma jmutx: jiekol biex ma jmutx, u l-istint tas-sbuħija – “tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn”. Dak li jħajjarha huwa rappreżentat quddiemha bħala tajjeb: “tajba fl-ikel”, hemm ċertu tjubija fiha, u hemm ċertu sbuħija fiha “tiġbed il-għajn, u s-siġra tħajrek biex tikseb id-dehen” (v. 6), ġid ikbar, ġid spiritwali. Ara l-qerq kemm hu profond, li dak li huwa kontra r-rieda tal-Mulej, ix-xitan jipperswadina li hu tajjeb. U meta nisimgħu dan nirrealizzaw li aħna, f’kull epoka li aħna l-bnedmin, suġġetti għal din it-tentazzjoni li nagħmlu deċiżjonijiet f’isem il-preservazzjoni tal-ispeċi, f’isem is-sbuħija, f’isem id-dehen, u l-progress tal-umanità.

    “Ħarset lejn il-frott u kielet” imma d-dnub mhuwiex dnub individwali imma kollettiv, “mbagħad tat ukoll lil żewġha, li kien magħha u kiel. U t-tnejn intebħu li kienu għerja, infetħu għajnejhom, u ħietu weraq tat-tin, u għamlu iħżma”  (vv. 6-7). Ħin minnhom  jiskopru nuqqas ta’ dinjità  imma jitilfu d-dinjita tagħhom għaliex ġew ingannati. Ġew ingannati bħalma niġu ngannati aħna bħalma jiġri lis-soċjetà tagħna li ħafna drabi titbiegħed minn Alla f’isem il-progress, f’isem l-ugwaljanza, f’isem valuri li jħajruk li huma espressjoni ta’ dehem modern u ġdid imma li fl-aħħar mill-aħħar ineżżgħu lill-bniedem mid-dinjità tiegħu.                                   

    Aħna llum x’aħna? Aħna qegħdin niddedikaw “il-frott tal-art u xogħol il-bniedem” biex isir espressjoni ta’ talba tagħna. Dan l-artal u din il-perspettiva l-ġdida se tilqa’ d-don kbir li l-Mulej għamel tal-frott li huwa tassew “tajjeb għall-ikel, jiġbdek fil-għajn u jħajrek biex tikseb id-dehen”.  It-talba tagħna  hija t-talba ta’ tpattija,  b’xi mod il-moviment li beda minn Alla, jerġa jirritorna biex aħna bl-imħabba nilqgħu l-frotta bnina li “tajba għall-ikel” – il-Ġisem ta’ Ġesù – “li tiġbdek il-għajn” għax hu r-Ragħaj it-tajjeb, u r-Ragħaj is-sabiħ  u li tagħtina id-dehen veru.

    Din hija l-irħama li ssawret fil-ġuf tal-art mijiet ta’ eluf ta’ snin ilu; hija l-ġebla partikolari, ġebla li kienet teżisti qabel id-dnub tal-bniedem, ġebla li fil-ħolqien hija xhieda tal-innoċenza tal-umanità u llum se tiġi ddedikata biex tkun xhud tal-innoċenza tat-talba tagħna, u ta’ dak li Hu hawn u ser jirrispondi t-talba tagħna. Dan l-irħam li kien jeżisti qabel id-dnub tal-bniedem, jalla jibqa’ jilqa’ s-sagrifiċċju ta’ Ġesù u d-don tal-Ġisem u d-Demm Tiegħu biex iwassalna għal dak iż-żmien li ma jispiċċax. 

    Għall-grazzja ta’Alla din il-perspettiva straordinarja – illum m’għandniex biss it-tmiem, imma għandna l-bidu u t-tmiem, għax għal ħafna snin konna nitkellmu biss mill-Omega u Omega, illum għandna l-bidu u t-tmiem, Alpha u Omega. Dawn iż-żewġ sinjali, li hemm hemmhekk fin-nofs tal-Knisja Alpha u Omega huma l-bidu u t-tmiem imma huma l-alfabett kollu. Illum fl-irħam jiġi espress l-universalità tal-offerta tagħna, li mhux biss tħaddan iż-żminijiet kollha mill-bidu sat-tmiem,  imma tħaddan ukoll l-ismijiet u l-bnedmin kollha għax mill-bidu tal-alafabett, mill-bidu sal-aħħar tista’ tikteb l-ismijiet kollha tal-bnedmin, l-ismijiet tal-qaddisin, kif ukoll l-ismijiet tal-midinbin, l-ismijiet tal-martri u tal-qaddisin, l-ismijiet tas-sorijiet kif ukoll tal-Patrijiet u b’mod speċjali tas-saċerdoti. Hemm ukoll l-ewwel żewġ ittri ta’ isem ‘Kristu’ li huma tifkira li aħna qegħdin niċċelebraw, huwa ‘Il-Midluk’ bħalma l-artal illum se jiġi kkonsagrat biż-żejt waqt l-artal huwa midluk, hekk ukoll l-isem ta’ Ġesù f’nofs il-Knisja u għandna l-isem tal-Messija, ta’ Ġesù Kristu.   

    Ejjew aħna nġeddu din iċ-ċelebrazzjoni solenni li d-dedikazzjoni tagħha jfakkarna fil-Magħmudija tagħna meta berikna lilna nfusna bl-ilma mbierek u dan l-irħam, li huwa artal, hekk ukoll ser niftakru fid-dilka biż-żejt tal-Griżma fil-Magħmudija biex tikkonfermana fl-Ispirtu s-Santu, tas-saċerdoti bil-konsagrazzjoni biż-żejt, bid-dilka biż-żejt ta’ dan l-irħam niftakru wkoll fil-konsagrazzjoni ta’ jdejna fl-ordinazzjoni qaddisa u jiena magħkom inġedded, jiena u niċċelebra sentejn bħala l-Arċisqof tagħkom u fil-Konsagrazzjoni Episopali li ħadt fl-2012, minn idejn il-maħbub Arċisqof Emeritu Monsinjur Cremona, dakinhar ir-ras tal-Isqof kienet midluka biż-żejt biex tfakkru l-ewwel wieħed peress li għandu l-kariżma ‘tar-Ras’ (Charisma capitis), irid ikun li jimxi qabel il-merħla, jakkompanja l-merħla li jimxi wkoll warajha biex jinduraha bħalma jgħallem il-Papa Franġisku.

    Il-Mulej Ġesù kien jirreżisti t-tentazzjonijiet li kienu tailored għalih, billi juża l-Kelma ta’ Alla bħala tarka biex mhux jidħol fi djalogu ma’ Satana imma iwaqqfu: “il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Mt 4, 4). Minn hawnhekk aħna nirċievu l-Kelma ta Alla, hawnhekk il-ġebel jilqa’ l-ħobż tal-ħajja, hawnhekk dan l-irħam isir l-idejn tagħna li jilqgħu lil Mulej, hawnhekk niġġarbu mill-Mulej imma nitolbu biex ma nġarrbux lill-Mulej Alla tagħna, hawnhekk naduraw lill-Mulej għaliex il-kelma tiegħu tgħidilna “lill-Mulej Alla tiegħek, għandek tadura u lilu biss taqdi” (v. 10). Jalla din l-offerta li nirċievu minn fuq l-dan l-artal li se nikkonsagraw, tibqa’ “tajba għall-ikel, tiġbdek fil-għajn u tħajrek biex tikseb id-dehen”.     

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta              


  • Photos: Curia Communications Office