-
-
Nhar il-Ħamis, 27 ta’ April 2017, l-Arċisqof iċċelebra quddiesa lit-tfal u lill-istaff tat-tliet skejjel tas-sorijiet Agostinjani. Il-quddiesa saret bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-venerabilità tal-fundatriċi tas-sorijiet, Suor Maria Teresa Spinelli.
-
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
-
-
St Monica School, Birkirkara
27th April 2017
Illum ltqajna biex ngħidu ‘grazzi’ lil Ġesù. Tgħiduli ta’ xiex? Aħna ltqajna hawnhekk biex ngħidulu grazzi talli mitejn sena ilu kien hemm mara li fil-ħajja tagħha ma kellhiex kollox faċli. Din il-mara kien jisimha Tereża Spinelli, anzi għaddiet minn ħafna tbatijiet: it-tbatija tal-faqar meta missierha mar ħażin ħafna fin-negozju tiegħu tal-ġild, it-tbatija li kellha raġel li kien jitrattha ħażin ħafna, it-tbatija li trid taħdem biex tgħin lil ommha u anke tkun ta’ servizz lill-familja. Infatti kellha titlaq minn Ruma, il-belt għażiża tagħha fejn twieldet, fejn tgħammdet, u ssib il-vokazzjoni tagħha fil-belt ta’ Frosinone.
Aħna ltqajna biex ngħidulu ‘grazzi’ lil Ġesù talli din il-mara lil Ġesù qaltlu: “Agħmel bija inti dak li trid u jiena nobdik, nagħtik ħajti”. U l-Mulej laqa’ din l-offerta ta’ Tereża Spinelli; il-qalb tagħha kienet żerriegħa ċkejkna mimlija mħabba li kienet taf ukoll it-tbatija personali u ta’ ħaddieħor, il-Mulej għamilha siġra li għamlet ħafna frott.
Meta niftakru f’Tereża Spinelli, ħafna drabi ma niftakruhiex weħidha; pereżempju ħudu l-leaflet li għandkom – Tereża Spinelli dejjem imdawra biż-żgħażagħ u tfal. Għax dik kienet il-vokazzjoni tagħha. Ġesù għażilha biex tagħti ħajjitha ħalli ż-żgħażagħ ikollhom futur sabiħ, għażilha biex ma tkunx weħidha, ikollha wkoll sisters li jkomplu b’din il-ħolma sabiha li żgħażagħ bħalkom ikollhom min iwassalhom għand Ġesù.
Il-ħajja tagħna tkun sabiħa jekk tkun ħajja ta’ mħabba, tkun xi tkun il-vokazzjoni tagħna.
Kemm hi ħaġa sabiħa li niltaqa’ magħkom illum, tant kuluri differenti, hekk ngħidulu ‘grazzi’ lil Ġesù. Jiena nixtieqkom imma li llum, lil Ġesù nagħmlu talba. Għandna statwa sabiħa ħdejn dik is-siġra faċċata tal-iskola, tal-Venerabbli Tereża Spinelli. Nitolbu lil Ġesù biex fil-ħajja tagħna nagħmlu dak li jixtieq hu. Kemm smajna affarijiet sbieħ fl-Evanġelju; l-iżjed kelma li smajna fl-Evanġelju tal-lum li qara Fr Charles, hija l-kelma “imħabba”; “ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”. Dik hija l-ewwel sejħa ta’ Ġesù: li tħobbu lil xulxin, kif ħabbna hu billi ssallab għalina, billi ta ħajtu għalina. Il-qaddisin tgħallmu din it-tip ta’ mħabba. Anke l-ġenituri tagħkom tgħallmu din it-tip ta’ mħabba, anke l-għalliema, l-LSAs u s-Sisters . Il-ħajja tagħna tkun sabiħa jekk tkun ħajja ta’ mħabba, tkun xi tkun il-vokazzjoni tagħna.
L-aħħar ħsieb: qed tarawhom lis-sisters? Nixtieq li ngħidulhom ‘grazzi’ ta’ dak kollu li jagħmlu magħkom. Nitlob biex Ġesù jsejjaħ uħud minnkom biex tkunu Sisters. Ġesù qiegħed isejjaħ xi wħud minnkom biex ikunu sisters fil-familja spiritwali tal-Venerabbli Tereża Spinelli. U llum nitlob fuqkom biex tisimgħu s-sejħa ta’ Ġesù. Ġesù jixtieq li din il-ħolma ta’ Tereża Spinelli jkollha futur u jkollha futur jekk ikun hemm sisters żgħażagħ. Taqblu miegħi? Mela issa f’idejkom. Min iħoss li Ġesù qiegħed isejjaħlu biex ikun sister jitlob ħafna, jobdi ħafna u jkellem xi sister. Tiltaqa’ ma’ sister tgħidliha: “Sister, jiena ġieni dal-ħsieb, x’nista’ nagħmel?”. U żgur se tgħidlek: “Obdi lill-mamà u l-papà, oqgħod attenta fl-iskola, u itlob, u itlob”. U inti tibqa’ titkellem ma’ din is-Sister u l-Mulej jiggwidak fil-vokazzjoni.
Jiena nixtieq ukoll nirringrazzja lis-sisters għax huma għallmuni biex nagħmel il-preċett. Ulied Tereża Spinelli, meta jien kelli ħames snin, bdew jgħallmuni biex meta jkolli sitt snin nagħmel il-preċett. Ġesù ġie fil-qalb tiegħi. U dak li għallmuni ma nsejtu qatt. Ara l-ġid! Mur għidilha lil Suor Reginalda, waħda milli niftakar, pereżempju. Kienet qed tgħallem tifel li ’l quddiem se jsir l-Arċisqof, ma kinetx taf, lanqas it-tifel ma kien jaf! Imma ara, inti tiżra’ tagħlim ta’ ġid, imbagħad Alla jkabbru hu.
Allura jiena wkoll inħossni parti minn din il-familja ta’ frott kbir li ħareġ minn persuna waħda, jisimha Tereża Spinelli.
-
-
Photos: Marco Durante