L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
F’din it-tifkira għażiża tal-Madonna tal-Karmnu, nixtieq li naħsbu ftit fuq żewġ għoljiet.
L-ewwel waħda hi din l-għolja tal-Karmel, li tissemma’ llum fl-Ewwel Qari, li hu l-post fejn bdew, fis-seklu 12, l-ewwel Karmelitani – il-grupp ta’ eremiti li kienu jgħixu hemm. Din il-muntanja baqgħet imsemmija għall-ġrajja li nsibu fl-Ewwel ktieb tas-Slaten, fit-Testment il-Qadim, fejn il-Profeta Elija kien ġie f’konfront mal-profeti ta’ Bagħal.
Elija kien għamel sfida lill-poplu. Qalilhom: “Kemm se ddumu titlajjaw minn naħa għal oħra? Jekk il-Mulej hu Alla morru warajh; inkella morru wara Bagħal, jekk hu hu.” Hemm fuq il-muntanja kien hemm dan il-konfront mal-450 profeta ta’ Bagħal biex jaraw min hu Alla l-veru. U nafu mill-istorja li Alla wera min hu għax sema’ t-talba ta’ Elija, filwaqt li ħadd ma sema’ t-talba li l-profeti għamlu lil Bagħal. Alla wera li hu Alla l-veru. Hemmhekk il-poplu qal: Dan hu Alla veru. Hemmhekk kienet ir-rebħa ta’ Alla l-veru fuq il-profeti foloz u fuq l-idoli foloz.
Immorru għat-tieni għolja, hija dik li smajna fl-Evanġelju, u li aħna nsejħulha l-għolja tal-Kalvarju. Hemm Ġesù msallab u Marija ommu taħt is-salib. Hemm, proprju meta Ġesù qiegħed fuq is-salib, hija r-rebħa definittiva ta’ Alla l-veru, Alla l-ħaj, fuq dak li hu falz – fuq il-profeti foloz u fuq l-idoli foloz. Dik hi r-rebħa ta’ Ġesù fuq is-salib.
Hemm lil Marija ommu jagħtihielna bħala ommna, permezz ta’ San Ġwann meta jgħidlu: “Hawn hi ommok” u lil Marija “Hawn hu ibnek”. Għalhekk hija dik l-omm, li kif se ngħidu ftit ieħor f’talba fil-quddiesa, l-omm spiritwali li bi mħabba kbira ta’ omm timxi magħna fit-triq ta’ ħajjitna u “tieħu ħsieb il-kotra ta’ wliedha”.
Din hi l-omm li għax tieħu ħsiebna tgħinna biex nimxu fit-triq tas-sewwa u biex inkunu, bħalma għexet hi, qaddejja tal-Mulej.
Il-Madonna tal-Karmnu, li qed niċċelebraw illum, hi dik l-omm li tfakkarna dejjem min hu Alla l-veru, u tgħinna biex aħna nimxu wara Alla l-veru u ma nitqarrqux bi profeti foloz jew nimxu wara idoli li jieħdu post Alla l-veru. Din hi l-omm li għax tieħu ħsiebna tgħinna biex nimxu fit-triq tas-sewwa u biex inkunu, bħalma għexet hi, qaddejja tal-Mulej.
Hi l-omm li tgħidilna l-affarijiet kif inhuma. Tul l-Istorja Marija takkumpanja lill-Knisja u dejjem tgħid l-affarijiet ċari kif inhuma. Xi wħud qishom jaħsbu kultant li Marija tbeżża’, tgħid affarijiet tal-biża’, imma jibża’ biss min ma jħallihiex tkun omm u jitbiegħed minn Ġesù. Jibża’ min jagħżel dak li hu ħażin, mhux min jagħżel dak li hu tajjeb. Min jimxi magħha bħala omm, m’għandux minn xiex jibża’, għax hemm din l-omm li tieħu ħsiebna u li tħarisna fil-mixja tagħna f’ħajjitna.
Hi l-omm li hija, kif nitolbu wkoll illum, sinjal ta’ tama u ta’ faraġ għall-poplu. Fil-mixja tagħna lejn is-sema pajjiżna, aħna għandna bżonn dan is-sinjal ta’ tama u ta’ faraġ. U Marija hija din l-omm li tagħtina t-tama u l-faraġ.
Għalhekk illum nirringrazzjaw lil Alla fit-tifkira tal-Madonna tal-Karmnu. Nitolbu li, bħalma għamel Ġwanni li “ħadha għandu”, aħna wkoll neħduha magħna biex tkun hi tassew ommna – dik l-omm li dejjem tieħu ħsiebna, u dik l-omm li turina bl-eżempju ta’ ħajjitha kif għandna ngħixu ħajja sabiħa bħalma Marija hija s-sabiħa.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju