Vatican News / Facebook

Fl-ewwel diskors tiegħu lill-Korp Diplomatiku għas-Santa Sede, il-Papa Ljun XIV iddikjara li “d-dinjità tagħna tibqa’ dejjem l-istess” irrispettivament mill-istat tas-saħħa, mis-sitwazzjoni tax-xogħol jew mil-liema pajjiż ġejjin.

Il-Papa, li hu nnifsu dixxendent ta’ koppja immigranti, għadda dan il-messaġġ bħala sejħa personali u universali f’mument ta’ sfidi globali, u stieden lill-komunità internazzjonali sabiex terġa’ timpenja ruħha għall-paċi, il-ġustizzja u l-verità bħala pedamenti ta’ diplomazija u solidarjetà umana.

Huwa għamilha ċara li d-diplomazija tas-Santa Sede mhix dwar poter jew privileġġ, imma servizz.

“Id-diplomazija papali hija espressjoni tal-kattoliċità tal-Knisja,” sostna, u ddeskrivieha bħala xogħol pastorali impenjat li jindirizza l-uġigħ profond tal-umanità – mill-faqar u l-emarġinazzjoni sal-qerda ambjentali u l-isfidi etiċi tal-intelliġenza artifiċjali.

Huwa tenna r-rwol uniku tal-Knisja fit-tisħiħ tad-djalogu fost l-ideoloġiji, ir-reliġjonijiet u n-nazzjonijiet differenti, u sejjaħ lill-korp diplomatiku bħala “familja tal-popli,” li għandha tibni l-għaqda fuq valuri spiritwali u umani.

“Il-paċi tinbena fil-qalb u mill-qalb”

Fl-indirizz tiegħu, huwa wissa kontra t-tentazzjoni li nħarsu lejn il-paċi bħala n-nuqqas tal-kunflitt.

“Il-paċi tinbena fil-qalb u mill-qalb,” qal, u ħeġġeġ lill-mexxejja globali biex iwarrbu l-armi u jġeddu l-fiduċja fid-diplomazija multilaterali, liema diskors ġie immarkat ukoll fl-ewwel tislima tiegħu lid-dinja meta ġie elett.

Il-Papa Ljun enfasizza wkoll ir-rwol vitali tar-reliġjonijiet u d-djalogu interreliġjuż fil-bini tal-paċi hekk kif “l-esperjenza reliġjuża hija dimensjoni essenzjali tal-persuna umana” u sostna li l-paċi ġenwina titwieled minn trasformazzjoni interjuri.

Vatican News / Facebook

Il-Ġustizzja u l-Verità

Meta spjega l-għażla ta’ ismu bħala referenza għall-Papa Ljun XIII u l-enċiklika Rerum Novarum, il-Papa Ljun XIV poġġa lilu nnifsu bħala difensur tal-ġustizzja soċjali fi żmien ta’ tibdil profond. Hu sejjaħ għal azzjoni konkreta biex jingħelbu l-inugwaljanzi globali, biex tiġi promossa l-istabbilità tal-familja, u biex tiġi rrispettata d-dinjità tal-bniedem – mit-tarbija fil-ġuf sal-moribondi, miċ-ċittadini sal-migranti.

Dwar il-kriżi tal-verità fi żmien diġitali, il-Papa esprima t-tħassib tiegħu dwar kif id-dinja virtwali tista’ toħloq realtà ulterjuri li tfixkel ir-relazzjonijiet sinċieri. Huwa għaldaqstant sejjaħ għal impenn ġdid favur il-verità bħala bażi għal komunikazzjoni u koperazzjoni.

“Il-verità qatt ma tista’ tkun separata mill-imħabba,” sostna filwaqt li wissa kontra l-periklu tal-ambigwità u l-informazzjoni falza. B’referenza għall-isfidi globali bħal migrazzjoni, l-użu etiku tal-AI, u l-ħarsien tad-dinja, huwa tenna l-impenn kollettiv biex jiġu indirizzati dawn il-materji li jolqtu ‘l kulħadd.

Messaġġ ta’ Tama f’Dinja Mifruda

Il-Papa Ljun XIV semma li bħala “bennejja tal-pontijiet”, ilkoll imħeġġin biex iwasslu t-tama u l-Ispirtu ta’ qawmien u rikonċiljazzjoni.

“Il-ministeru tiegħi beda fil-qalba ta’ Sena Ġubilari. Opportunità biex inħallu l-kunflitti warajna u nibdew triq ġdida. Flimkien, nistgħu nibnu dinja fejn kulħadd jista’ jgħix ħajja verament umana, fil-verità, fil-ġustizzja u fil-paċi.”

Minn Luke Vella

Sors: Newsbook Malta