L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ġesù kellu diversi diżappunti mill-ħbieb tiegħu tul il-ħajja tiegħu. U dan li smajna fl-Evanġelju kien diżappunt kbir għalih.

Hawn smajna kif tnejn mit-tnax, tnejn mill-ħbieb tiegħu, imma terġa’, tnejn minn dawk l-aktar ta’ ġewwa, Ġakbu u Ġwanni, li ftit qabel kienu ma’ Ġesù fuq il-muntanja Tabor fit-Trasfigurazzjoni, u li kienu miegħu wkoll f’mumenti oħra speċjali – għalhekk qrib tiegħu ħafna – ġew jistaqsuh biex fil-glorja tiegħu wieħed ikun naħa u l-ieħor ikun oħra. Riedu li fil-glorja tiegħu jokkupaw l-aħjar postijiet, it-tnejn maġenbu. F’moħħhom min jaf x’kienu qed jaħsbu meta qalulu “fil-glorja tiegħek”!

Ma fehmu xejn

Kien diżappunt għal Ġesù għax eżatt qabel dan kien qalilhom li se jgħaddi mill-passjoni, mill-mewt u mbagħad twassal għall-qawmien. U ma kinetx l-ewwel darba, kienet it-tielet darba li qalilhom dan. Hu jitkellem fuq il-passjoni u t-tbatija, u huma jitkellmu fuq x’postijiet jista’ jkollhom, l-aħjar postijiet fil-glorja. U għalhekk Ġesù jgħidilhom: “Ma tafux x’intom titolbu”.

“Ma tafux x’intom titolbu” għax huma bi “glorja” kienu qed jimmaġinaw xi ħaġa li ma kinitx f’moħħ Ġesù, li kellu jgħaddi wkoll mill-passjoni u l-mewt. Imma “ma tafux x’intom titolbu” wkoll għax fil-mument li Ġesù kien fuq is-salib, u deher l-ikbar tellief imma fil-fatt kienet ir-rebħa u l-glorja tiegħu għax bis-salib li salva lill-umanità, hemmhekk kellu tnejn, wieħed fuq ix-xellug u l-ieħor fuq il-lemin, imma kienu msallbin miegħu. Dawk l-imsallbin kienu l-ħatjin li kienu naħa u oħra. Għalhekk Ġesù jgħidilhom “ma tafux x’intom titolbu”.

Imma d-diżappunt ta’ Ġesù kien akbar. Għax ma kinux dawn it-tnejn biss mit-tnax li kellhom dan f’moħħhom, imma anke l-oħrajn. Fil-fatt, l-Evanġelju jgħid: “l-għaxra l-oħra saħnu għal Ġakbu u Ġwanni”. U saħnu mhux għax qalu “ara x’għarukaża, x’qed jistaqsuh!”, imma saħnu għax huma riedu l-istess ħaġa. Riedu huma wkoll li jkunu fl-aħjar post fil-glorja ma’ Ġesù. Għalhekk Ġesù kien diżappuntat li dawk li kienu viċin tiegħu lanqas fehmu l-aktar ħaġa importanti: li hu ġie biex jagħti lilu nnifsu, mhux biex jieħu. Hu ġie biex jingħata għall-fidwa tal-bniedem, mhux biex jikseb. Mentri dawn kollha kienu qed ifittxu biex jiksbu l-aħjar post.  

Mhux li tkun moqdi imma li taqdi

Għalhekk Ġesù jgħidilhom: dawk in-nies li l-bnedmin iqisuhom bħala kapjiet jaħkmu fuqhom u jħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. “Fostkom m’għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd”. Hemm tikseb tassew l-iskop tiegħek bħala dixxiplu ta’ Ġesù: jekk bħalu tkun qaddej. Għax hu “ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”. Nafu li din Ġesù mhux biss qalha, u qalha kemm-il darba, imma wrieha fl-Aħħar Ċena, meta niżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu, u qalilhom: kif għamilt jien, hekk għandkom tagħmlu intom ukoll.

Meta naqdu bil-ferħ, hemm nifhmu tassew kemm hu veru dal-kliem ta’ Ġesù u kemm lilna jagħtina għajnuna u jimlielna ħajjitna

Dan hu messaġġ importanti ħafna għall-ħajja tagħna, u l-iktar għall-attitudni li jkollna fir-relazzjoni tagħna mal-oħrajn, speċjalment fejn ikun hemm xi forma ta’ awtorità. Ma hemmx għalfejn tkun tmexxi l-Ġnus Magħquda, jew xi pajjiż; anke jekk ikollok ftit awtorità, bħal fil-familja, jew f’xi grupp, jew xi għaqda tal-Knisja, hu fejn hu. Ġesù qed jgħidilna li qegħdin hemm biex naqdu, mhux biex naħkmu. Mhux biex inqisu lill-oħrajn dubbien, u mhux biex ninqdew bl-oħrajn.

L-awtorità bħala servizz

Dan il-kliem tiegħu nistgħu ngħixuh f’kull waqt tal-ħajja tagħna. Tista’ tara d-differenza meta tiltaqa’ ma’ xi ħadd u minħabba l-attitudni tiegħu, f’qalbek tibda tgħid “dan x’jaħseb li hu! Kif kulħadd għalih ma jiswiex!” Inħossuha din, għax nafu li mhux dan hu l-mod kif tittratta lin-nies.

Tajjeb li nistaqsu, kull wieħed u waħda minna, kif aħna ngħixu fir-relazzjoni tagħna mal-oħrajn dal-kliem ta’ Ġesù. Li nfittxu li dak li nagħmlu nagħmluh b’servizz, bi mħabba, mingħajr interess li niksbu lura u b’ġenerożità. U nagħmluh tassew bil-ferħ. Meta naqdu bil-ferħ, hemm nifhmu tassew kemm hu veru dal-kliem ta’ Ġesù u kemm lilna jagħtina għajnuna u jimlielna ħajjitna, għax nafu li dak li nagħmlu nkunu qed nagħmluh mhux għalina, biex nakkwistaw mingħand l-oħrajn. Meta nħarsu lejn l-oħrajn, ma nħarsux b’mod li naraw x’se nieħdu mingħandhom, jew kif se jservuna, imma kif se nagħmlulhom il-ġid.

Nafu li dan mhux faċli, imma din hi t-triq li għallimna Ġesù: li nfittxu li nkunu ta’ servizz lil dawk li niltaqgħu magħhom, lil dawk li huma fil-bżonn, u nagħmlu dan bi mħabba għax irridu li naqduhom bħal Ġesù.

Nitolbu lil Ġesù llum biex inkunu fejn inkunu, inkunu f’liema pożizzjoni nkunu, dejjem ngħixu dal-kliem tiegħu. Jagħtina l-grazzja tal-purifikazzjoni tal-qalb biex ngħixu dan bl-istess imħabba u ġenerożità li għallimna hu ħalli qatt ma nħarsu lejn l-oħrajn bi ħsieb li ninqdew bihom imma li nkunu ta’ servizz għalihom bl-istess imħabba ta’ Ġesù.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju