• ŻIEDA TA’ KLASSI FL‑ISKOLA ST FRANCIS

    L‑iskola ta’ St Francis f’Birkirkara, li tilqa’ fiha studenti subien u bniet, ser iżżid klassi fit‑tieni sena kindergarten.
    Is‑Segretarjat tal‑Edukazzjoni Nisranija ser jilqa’ applikazzjonijiet għas‑subien u l‑bniet li twieldu fl‑2012 u li jistgħu jinkitbu fl‑iskola ta’ St Francis f’Birkirkara skont wieħed minn dawn il‑kriterji: tfal mid‑djar tal‑Knisja, aħwa li għandhom ħuthom jattendu f’xi skola ta’ St Francis, tfal ta’ impjegati tal‑iskola ta’ St Francis, u transfers minn Kindergartens ta’ St Francis għal St Francis Birkirkara.
    L‑applikazzjonijiet ser jintlaqgħu nhar il‑Ġimgħa 22 ta’ April 2016, bejn id‑9:00 a.m. u s‑1:00 p.m., fl‑uffiċċji tas‑Segretarjat tal‑Edukazzjoni Nisranija, 16 Triq il‑Mall, il‑Furjana. L‑applikanti għandhom jippreżentaw ċertifikat tal‑magħmudija u tal‑insinwa tat‑tifel/tifla, ritratt daqs ta’ passaport, dikjarazzjoni mill‑iskola li t‑tfal għandhom ħuhom jattendi skola ta’ St Francis jew li xi ħadd mill‑ġenituri huwa mpjegat tal‑iskola St Francis jew dikjarazzjoni mill‑iskola li t‑tfal jattendu skola ta’ St Francis għal dawk li jridu japplikaw għal transfer, u ħlas ta’ €15. Japplikaw ir‑Regolamenti tad‑Dħul fl‑Iskejjel tal‑Knisja u għalhekk jista’ ikun hemm bżonn ta’ aktar dokumentazzjoni.
    Dawk il‑postijiet li ma jimtlewx bil‑kriterji msemmija hawn fuq jiġu offruti lil dawk li ser jagħmlu l‑għażla ta’ skola skont ir‑Regolamenti tad‑Dħul.
     

    BIDLA FIL‑POST FEJN SER ISIRU L‑POLZA U R‑REĠISTRAZZJONI TAL‑APPLIKANTI TAT‑TIENI SENA KINDERGARTEN

    B’riżultat tax‑xogħol li qed isir fis‑sala tal‑iskola St Joseph fil‑Blata l‑Bajda, il‑polza u reġistrazzjoni tal‑applikanti għad‑dħul fit‑tieni sena kindergarten mhux se jsiru fl‑istess post kif imħabbar fir‑Regolamenti. Il‑polza u r‑reġistrazzjoni ser isiru fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, Tal‑Virtù, fl‑istess dati kif mħabbra fir‑Regolamenti: il‑polza tas‑subien u tal‑bniet fit‑30 ta’ April 2016, ir‑reġistrazzjoni tas‑subien fl‑10 ta’ Mejju 2016 u r‑reġistrazzjoni tal‑bniet fit‑13 ta’ Mejju 2016. Il‑Bord tad‑Dħul fl‑Iskejjel tal‑Knisja jiskuża ruħu ta’ kull inkonvenjent.