L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju tal-lum huwa l-bidu tat-tielet kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Luqa. L-ewwel żewġ kapitli se nisimgħuhom fil-ġimgħat li ġejjin għax huma l-ewwel u t-tieni kapitli tal-Evanġelju ta’ San Luqa li jitkellmu dwar it-tħabbira tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista, it-tħabbira tat-twelid ta’ Ġesù u t-twelid ta’ Ġesù. Imma t-tielet kapitlu jibda mill-ewwel b’dawk it-tliet snin li wasslu għall-predikazzjoni ta’ Ġesù, għall-mewt, u l-qawmien tiegħu mill-imwiet.

Jibda b’persunaġġ importanti ħafna f’dan l-istaġun tal-Avvent li huwa Ġwanni l-Battista, it-tifel ta’ Eliżabetta u ta’ Żakkarija, li kien iltaqa’ mal-Mulej fil-ġuf meta omm Ġesù marret iżżur il-qariba tagħha Eliżabetta, u Ġwanni qabeż bil-ferħ fil-ġuf ta’ ommu kif ħass il-preżenza ta’ Ġesù fil-ġuf ta’ ommu Marija. Dawn iż-żewġ nisa tqal li ltaqgħu u wliedhom ikkomunikaw fil-ġuf b’mod misterjuż. Dan huwa statement qawwi ħafna dwar id-dinjità tal-ħajja li jkun hemm fil-ġuf ta’ kull mara li qiegħda tistenna t-twelid tat-tarbija għażiża tagħha.

Ġwanni huwa dak li se jħejji t-triq għall-Mulej u għalhekk Luqa, biex jipprova jispjegalna l- missjoni ta’ Ġwanni, jissellef il-kliem tal-Profeta Iżaija: “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert ħejju t-triq tal-Mulej, wittu l-mogħdijiet tiegħu” (Iż 40:3). Din l-għajta kienet l-għajta ta’ meta r-re, l-imperatur, jew il-gvernatur kien se jżuru xi mkien u jibagħtu l-ħaddiema — fi żmieni konna nsejħulhom tal-‘public works’ — biex iwittu t-toroq iħejju t-toroq, jagħmluhom sew biex ikun jista’ jgħaddi bil-kumdità.

Dan huwa statement qawwi ħafna dwar id-dinjità tal-ħajja li jkun hemm fil-ġuf ta’ kull mara li qiegħda tistenna t-twelid tat-tarbija għażiża tagħha.

“Ħejju t-triq tal-Mulej, wittu l-mogħdijiet tiegħu. Kull wied jimtela, kull muntanja u għolja titbaxxa, il-mogħdijiet imgħawġa jsiru dritti, it-triqat imħarrbta jitwittew” (Lq 3:5). Din hija deskrizzjoni ta’ dak kollu li kien isir konkretament. In-nies kienu jifhmu meta jisimgħu dal-kliem ta’ Iżaija biex hekk ġej xi ħadd verament importanti. Hija xi ħaġa li aħna wkoll għadna ngħixuha sal-ġurnata mqaddsa tal-lum, aħseb u ara 2,000 sena ilu.

Imma dan il-kliem tal-profeta jintuża għal Ġwanni għaliex hu mhux interessat fil-public works, ma jrid jieħu mill-ministeru ta’ ħadd imma huwa interessat li fil-qalb tagħna jkun hemm triq imħejjija tajjeb għall-Mulej. Allura nniżżlu l-muntanji tas-suppervja tagħna u nimlew kull fejn aħna nħossu li f’ħajjitna hemm ħofra ta’ dlam.

Il-missjoni ta’ Ġwanni mhijiex missjoni fl-arja. Innutaw kif jibda t-tielet kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Luqa. Jissemmew ħafna nies importanti: Tiberju Ċesari l-imperatur, Ponzju Pilatu l-gvernatur, imbagħad erba’ minn ulied Erodi l-Kbir li qassam is-saltna tiegħu bejn erbat uliedu u għalhekk kienu tetrarkija, bil-Grieg tetra li tfisser erba’ – u jissemmew kollha Erodi, Filippu, Lisanja, fi żmien il-qassis il-kbir Anna u Kajfa, jissemmew ukoll il-kbarat tar-reliġjon (Lq 3:1-2). Dawn kollha nies importanti.

Imma l-Kelma ta’ Alla għand min waslet? Luqa jgħidilna li fiż-żmien dawn in-nies kollha importanti — li huma storiċi u jimmarkaw mument storiku — dak li qed niċċelebraw mhijiex ħrafa, mhijiex xi fairy tale. Dak li qed niċċelebraw ġara meta dawn in-nies importanti kienu responsabbli minn diversi artijiet, setturi, u kienu qed jiggvernaw. “Imma l-kelma ta’ Alla waslet lil Ġwanni bin Żakkarija fid-deżert” (Lq 3:2). Alla donnu jsellem lil dawn il-kbarat imma  jmur dritt għand bniedem jgħix fid-deżert. “Leħen jgħajjat. Ħejju t-triq tal-Mulej, wittu l-mogħdijiet tiegħu” (Lq 3:4).

Ħafna drabi ma tantx nifhmu l-loġika ta’ Alla u nippretendu li l-kelma tiegħu se tasal min jaf b’liema mod sensazzjonali. Imma Alla jitkellem fis-silenzju tad-deżert, forsi anke fil-mumenti ta’ diffikultà fil-ħajja tagħna. Tiltaqa’ ma’ persuna u tgħidlek kelma u dik il-kelma tinżel f’qalbek għax tkun il-kelma li għandek bżonn tassew tisma’. Min jaf kemm tkun smajt kliem ta’ nies oħra, imma dik il-kelma li l-Mulej jgħajjatlek bil-kwiet fis-silenzju ta’ qalbek, fid-deżert ta’ ħajtek, issalvak u terfgħek.

Kemm hu sabiħ il-kliem tal-Profeta Baruk li smajna fl-ewwel qari llum. Huwa kliem ta’ faraġ li l-Mulej ilissen lill-poplu għażiż tiegħu: “Neħħi minn fuqek, Ġerusalemm, l-ilbies tal-hemm u n-niket u ilbes id-dija tas-sebħ ta’ Alla għal dejjem. Ilbes il-mantar tal-ġustizzja ta’ Alla (Bar 5:1-2). Din hi l-ġustizzja ta’ Alla. Alla mhuwiex vendikattiv imma peress li huwa veru għalih innifsu u twajjeb tassew, Alla huwa ġust fil-ħniena tiegħu u mhux biex ipatti imma biex jerfgħek.

Jekk m’hemmx ġustizzja, mhux se jkollna paċi. Jekk m’għandniex il-verità fuqna nfusna, mhux se jkollna paċi.

“Ilbes id-dija tas-sebħ ta’ Alla”. Kemm hu sabiħ li aħna u nżejnu d-djar tagħna f’dan l-istaġun tal-Milied, u nixegħlu tant bozoz ħelwin u ċkejknin, niftakru f’din il-kelma ta’ faraġ tal-Profeta Baruk: “Ilbes id-dija tas-sebħ ta’ Alla għal dejjem”. Mela dak li qegħdin nagħmlu, it-tiżjin li qegħdin nagħmlu fih sinifikat. Qed jirrispondi għall-faraġ ta’ Alla, qed jgħidilna: “Intom m’intomx tad-dlam, intom ulied id-dawl”.

Għalhekk, dan l-istaġun li fih il-ġurnata tiqsar sakemm jasal il-Milied u mbagħad terġa’ titwal, aħna bid-dwal tagħna nirrispondu għal dan il-faraġ ta’ Alla: “Ilbes id-dija tas-sebħ ta’ Alla” (Bar 5:1). Alla għad isejjaħlek bl-isem ta’ sliem, tal-ġustizzja u sebħ tal-qima ta’ Alla. Sliem tal-ġustiżżja. Il-ġustizzja ġġib veru sliem. Ħafna drabi nistaqsu kif se jkollna r-rikonċiljazzjoni bejnietna, kif se jkollna iżjed għaqda bejnietna. Dawn kollha jiġu fejn hemm il-ġustizzja. Jekk m’hemmx ġustizzja, mhux se jkollna paċi. Jekk m’għandniex il-verità fuqna nfusna, mhux se jkollna paċi. Għalhekk, lil Alla ma niddejqux nuruh fil-mappa ta’ qalbna xi għolja ta’ suppervja li hemm bżonn inwittuha jew inkella xi wied mudlam tal-vizzju li hemm bżonn nimlewh bil-maħfra ta’ Alla.

Ejjew niftħu l-mappa ta’ qalbna lill-Mulej u ngħidulu: “Kemm nixtieq li fil-qalb tiegħi, fil-mappa ta’ qalbi, it-toroq ikunu kollha dritti. Kun int li tħares lejn il-mappa ta’ qalbi u tħenn għalija”.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Baruk 5:1-9
Salm: 125(126):1-2ab,2ċd-3,4-5,6
Qari II: Fil 1:4-6,8-11
L-Evanġelju: Lq 3:1-6