L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Xi kultant, fl-Evanġelju, naraw lil Ġesù qisu jġib ruħu ta’ bniedem diffiċli; ma jogħġbu xejn, jew fi tweġibiet tiegħu qisu diffiċli. U s-silta li qrajna llum, mill-Evanġelju skont San Mattew, għall-bidu tagħtina din l-impressjoni. Hawnhekk hawn tnejn min-nies li jitkellmu ma’ Ġesù, u tajjeb naraw u nifhmu x’qed jgħid Ġesù bit-tweġibiet tiegħu.
L-ewwel wieħed, li kien wieħed mill-kittieba, qallu: “Mgħallem, tmur fejn tmur, jien niġi warajk” (Mt 8:19). X’hemm isbaħ milli jgħidlu hekk, li lest li jkun dixxipli tiegħu, u kull fejn imur hu, ikun miegħu? Imma Ġesù x’qallu? Qallu prosit? Feraħ? Ġesù qallu: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom, u l-għasafar tas-sema l-bejtiet; iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu” (Mt 8:20). Qisu għall-bidu tgħid: dan biex jaqtagħlu qalbu qed jgħid hekk! Imma Ġesù, li jagħraf il-moħħ u l-qalb, induna li dal-bniedem kien entużjast, b’rieda tajba, imma ma jafx eżattament x’qed jgħid, għal xiex dieħel. U għalhekk Ġesù ried li jgħidlu ċar li hu ma għandux post fejn joqgħod, ħalli dal-bniedem ma jkunx imqarraq, u ħalli jkun jaf b’mod ċar dak li jrid jidħol għalih. Ġesù qatt ma ħeba, dejjem qal l-affarijiet b’mod ċar. Dak hu s-sens tar-risposta ta’ Ġesù li lil dal-bniedem irid jgħidlu ċar għal xiex dieħel, meta jgħidlu: “tmur fejn tmur jien niġi warajk”.
Imbagħad għandna l-ieħor, li kien wieħed mid-dixxipli. Dan qallu: “Mulej, ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri” (Mt 8:21). U xi jwieġbu Ġesù? Tistenna li jgħidlu: iva, mur l-ewwel idfen lil missierek, hekk sew, għandna nirrispettaw lill-ġenituri. Imma x’jagħmel Ġesu? Jgħidlu: “Imxi warajja, u ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom” (Mt 8:22). Tinħass verament insensittiva din ir-risposta lil dan il-bniedem! Imma hawn ukoll, Ġesù jara l-moħħ u l-qalb. U jagħraf li dan li qed jgħidlu dal-bniedem mhix proprjament ir-raġuni għaliex ma jridx jimxi warajh, hi skuża biex ma jimxix warajh, biex jitlajja u ma jmurx warajh. Fil-fatt, nifhmu li “nidfen lil missieri” ma tfissirx li jmur għall-funeral tiegħu; imma tfisser li joqgħod miegħu sakemm hu jgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem. Issa din hi ħaġa sabiħa, meta wieħed jista’, li joqgħod mal-ġenituri huma u jikbru fl-età, hi ħaġa sabiħa ħafna. Imma Ġesù għaraf li ma kinitx din ir-raġuni. Din kienet skuża biex dan ma jimxix warajh, u għalhekk Ġesù wieġeb kif wieġeb.
Ġesù jħeġġiġna biex Alla jiġi l-ewwel u biex aħna nimxu tassew warajh b’għażla ċara bħala d-dixxipli tiegħu
Dak li naraw miż-żewġ tweġibiet ta’ Ġesù hu l-ewwel nett li Ġesù jagħraf il-moħħ u l-qalb. Ma jibqax fuq il-kliem li ngħidu jew li jisma’ fil-bidu. Għalhekk, hu importanti li aħna, fit-talb tagħna, niltaqgħu ma’ Ġesù u nqegħdulu quddiemu dak li jgħaddi minn moħħna, dak li jgħaddi minn qalbna, b’talba biex hu jurina tassew it-triq it-tajba. Għax, fil-fatt, Ġesù jafna aktar milli aħna nafu lilna nfusna!
Imbagħad Ġesù hawnhekk iħeġġiġna biex nagħmlu għażla ċara: li nkunu dixxipli tiegħu. Hi għażla li aħna nagħmlu b’entużjażmu, imma b’realiżmu u mingħajr kompromessi: li nimxu warajh għax nafu li hu jurina tassew it-triq it-tajba. Kultant jista’ jiġrilna f’ħajjitna li nqiegħdu xi ħaġa qablu, jew xi ħadd jiġi qablu, imma Ġesù jħeġġiġna biex Alla jiġi l-ewwel u biex aħna nimxu tassew warajh b’għażla ċara bħala d-dixxipli tiegħu.
Nitolbu lill-Mulej biex inkunu tassew dixxipli tiegħu li nimxu warajh, għax aħna konxji li fih insibu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju