L‑Arċisqof Charles Scicluna laqa’ n‑nomina u qed jafda l‑ħidma pastorali tal‑Parroċċa tat‑Trinità Qaddisa fil‑Marsa f’idejn Patri Pawlu Bugeja OFM Cap bħala l‑kappillan ta’ din il‑komunità. Mons. Arċisqof jirringrazzja lil Patri Dominic Mangani OFM Cap tal‑ħidma tiegħu bħala kappillan ta’ din il‑parroċċa għal dawn l‑aħħar sitt snin.
Patri Pawlu Bugeja twieled fl‑20 ta’ Ġunju 1963. Ingħaqad mal‑Aħwa Minuri Kapuċċini fl‑1985 u sena wara għamel il‑professjoni reliġjuża. Huwa studja l‑Filosofija u t‑Teoloġija fl‑Istitut Nazzjonali Studji Ekkleżjastiċi għar‑Reliġjużi Maltin (INSERM) u fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.
Patri Pawlu ġie ordnat saċerdot fil‑5 ta’ Lulju 1991. Matul is‑snin ġie fdat dawn il‑ħidmiet: Gwardjan f’diversi kunventi tal‑Franġiskani Kapuċċini, Definitur Provinċjali, Direttur tan-Novizzi u Viċi Kappillan tal‑Parroċċa ta’ San Ġwann. Għal disa’ snin serva wkoll bħala kappillan tal‑Parroċċa ta’ Marija Reġina fil‑Marsa.
Il‑Parroċċa tat‑Trinità Qaddisa fil‑Marsa tiġbor fiha madwar 3,350 persuna.