L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Patri Joseph Mamo, Franġiskan, bħala kappillan tal‑Parroċċa ta’ Marija Addolorata, San Pawl il‑Baħar.
Patri Joseph Mamo twieled fis‑16 ta’ Diċembru 1963 u trabba Birkirkara. Irċieva l‑edukazzjoni primarja fl‑iskola ta’ Santa Venera u l‑edukazzjoni sekondarja fil‑Kulleġġ Savio, Ħad‑Dingli. Kompla l‑edukazzjoni terzjarja fl‑INSERM, fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta u fil‑Kulleġġ Sant’Antonio Dottore f’Padova l‑Italja.
Huwa kien ordnat saċerdot fil‑5 ta’ Lulju 1991 u matul is-snin serva bħala Segretarju Provinċjali tal‑Franġiskani Konventwali, Gwardjan u Rettur tal‑istudenti fil‑kunvent ta’ San Franġisk Birkirkara, Kappillan tal‑Parroċċa ta’ San Pawl il‑Baħar, Kappillan tal‑Parroċċa ta’ Burmarrad, Viċi Kappillan tal‑Parroċċa tal‑Qawra u Ekonomu Provinċjali. Minn Jannar 2021 beda jagħti servizz fit‑Tribunal Metropolitan tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.
Il‑parroċċa ta’ San Pawl il‑Baħar tiġbor fiha madwar 10,900 persuna.