• Arċipriet ġdid għall-parroċċa tas-Siġġiewi

     

    • L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Josef Mifsud bħala l‑Arċipriet tal‑parroċċa ta’ San Nikola, is‑Siġġiewi.

      Dun Josef Mifsud twieled fil‑15 ta’ Mejju 1981 u trabba s‑Siġġiewi fejn irċieva l‑ewwel edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja tas-Siġġewi. Huwa kiseb l-edukazzjoni sekondarja fis‑Seminarju Minuri tal-Arċisqof, Tal-Virtù, ir-Rabat, u kompla l-istudji terzjarji fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta. Ġie ordnat saċerdot fl‑1 ta’ Lulju 2007.

      Dun Josef serva bħala viċi kappillan fil‑parroċċa tal‑Madonna tal‑Grazzja, Ħaż‑Żabbar, u fl‑2010 inħatar bħala kappillan tal‑parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara.

      Il‑parroċċa tas‑Siġġiewi tiġbor fiha madwar 7,700 persuna f’2,500 familja.

       

  • Kappillan ġdid għall-parroċċa ta’ Ħ’Attard

     

    • L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Joseph Grech bħala l‑Kappillan tal‑parroċċa ta’ Santa Marija, Ħ’Attard.

      Dun Joseph Grech twieled fis‑26 ta’ April 1970. Huwa rċieva l‑ewwel edukazzjoni fl‑iskola primarja tal‑Mosta, l‑edukazzjoni sekondarja fil‑Kulleġġ San Alwiġi, Birkirkara, u l‑edukazzjoni post‑sekondarja fil‑Kulleġġ Ġan Franġisk Abela, l‑Imsida. Kompla l‑istudji terzjarji fil‑Fakultà tal‑Arti u fil‑Fakultà tat‑Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl‑Università ta’ Malta. Ġie ordnat saċerdot fid‑29 ta’ Ġunju 1997.

      Dun Joseph serva bħala viċi arċipriet fil‑parroċċa ta’ Bormla (1997), arċipriet tal‑parroċċa tal‑Isla (2002) u arċipriet tal‑parroċċa tas‑Siġġiewi (2012) fejn ilu jservi għal dawn l‑aħħar seba’ snin.

      Il‑parroċċa ta’ Ħ’Attard tiġbor fiha madwar 11,000 persuna f’3,300 familja.