Arċipriet ġdid għall-parroċċa ta’ Ħad-Dingli
L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun David Farrugia bħala arċipriet tal‑parroċċa ta’ Santa Marija, Ħad‑Dingli.
Dun David Farrugia twieled Ħ’Attard fl‑24 ta’ April 1979. Huwa rċieva l‑edukazzjoni primarja f’Ħal Qormi (San Ġorġ), l‑edukazzjoni sekondarja fil‑Liċeo Mikiel Anton Vassalli tal‑Ħandaq, Ħal Qormi, u l‑edukazzjoni postsekondarja fil‑Junior College, l‑Imsida. Kompla l‑istudjiu terzjarji (Filosofija u Teoloġija) fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta.
Dun David ġie ordnat saċerdot fid‑29 ta’ Ġunju 2004. Beda l‑ħidma pastorali tiegħu fil‑parroċċa ta’ Ħal Tarxien fejn serva għal sentejn, sena minnhom bħala viċi kappillan. Fl‑2006 nħatar viċi kappillan tal‑parroċċa ta’ Ħal Luqa u rettur taż‑żona ta’ Ħal Farruġ fejn serva għal erba’ snin. Tul dawn is‑snin kien ukoll direttur spiritwali tal‑Kulleġġ San Benedittu – Skola Sekondarja Subien ta’ Ħal Kirkop. Dun David serva bħala chaplain tal‑Junior College u bħala saċerdot fil‑parroċċa ta’ Santa Luċija. Fl‑2014 nħatar bħala kappillan tal‑parroċċa ta’ Ħal Safi u ilu mill‑istess sena jservi bħala segretarju tal‑Welfare Fund tal‑Kleru.
Il‑parroċċa ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema f’Ħad‑Dingli tiġbor fiha madwar 3,692 persuna.
Kappillan ġdid għall-parroċċa ta’ Ħal Safi
L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Ivan Scicluna bħala kappillan tal‑parroċċa tal‑Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi.
Dun Ivan Scicluna twieled fl‑24 ta’ Marzu 1970. Huwa rċieva l‑edukazzjoni primarja fl‑iskola primarja tal‑Immakulata Kunċizzjoni f’Ħal Tarxien u fl‑iskola ta’ Santa Giovanna Antida fil‑Gudja, l‑edukazzjoni sekondarja fil‑Liċeo Mikiel Anton Vassalli tal‑Ħandaq, Ħal Qormi, u l‑edukazzjoni postsekondarja fil‑Junior College, l‑Imsida. Huwa ggradwa bħala infermier u mbagħad iggradwa wkoll fit‑teoloġija mill‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta.
Dun Ivan ġie ordnat saċerdot fit‑20 ta’ Ġunju 2003. Fil‑bidu tal‑ħidma pastorali tiegħu kien direttur taċ‑Ċentru Vokazzjonijiet Djoċesani fejn serva wkoll fil‑parroċċa tal‑Isla. Kien ukoll viċi arċipriet tal‑parroċċa tar‑Rabat u anke rettur tal‑kappella tan‑Nigret fir‑Rabat stess. Fl‑2007 nħatar bħala kappillan tal‑parroċċa ta’ Santa Luċija u ħames snin wara nħatar arċipriet tal‑parroċċa tal‑Isla. Bejn l‑2014 u l‑2021 kien kappillan tar‑Residenza ta’ San Vinċenz de Paul u fl‑istess żmien offra l‑għajnuna tiegħu fil‑parroċċi ta’ Ħal Tarxien u Ħal Safi. Fl‑aħħar sena serva wkoll bħala saċerdot fil‑parroċċa tal‑Gudja u ta’ Ħal Safi.
Il‑parroċċa tal‑Konverżjoni ta’ San Pawl f’Ħal Safi tiġbor fiha madwar 2,198 persuna.