• Arċipriet ġdid għall-Parroċċa tal-Gudja

  • L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Norman Zammit bħala l-Arċipriet tal‑Parroċċa ta’ Santa Marija, il-Gudja. 

    Dun Norman Zammit twieled fit-3 ta’ Awwissu 1973. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja taż-Żurrieq u fl-iskejjel sekondarji San Mikiel u l-Kulleġġ Monte Karmeli, Santa Venera.  Kompla l-istudji terzjarji fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta. Ġie ordnat saċerdot fit-3 ta’ Awwissu 2001. 

    Dun Norman beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-Parroċċa ta’ Ħal Luqa fejn għal ħames snin kien viċi kappillan.  Fl-2006 inħatar kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli u fl-2011 kappillan tal-Parroċċa tal-Imsida.

    Il-Parroċċa tal-Gudja tiġbor fiha madwar 3,000 persuna f’1,000 familja.

  • Kappillan ġdid għall-Parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi

  • L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Ewkarist Zammit bħala l-Kappillan tal‑Parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi.

    Dun Ewkarist Zammit twieled is-Siġġiewi fit-23 ta’ Lulju 1980.  Irċieva l‑edukazzjoni tiegħu fil‑Kulleġġ Santu Wistin, Pietà. Kompla l-istudji terzjarji fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta fejn kiseb ukoll Masters fl-Istudji Pastorali. Ġie ordnat saċerdot fit-3 ta’ Lulju 2008.

    Dun Ewkarist serva bħala viċi arċipriet fil‑Parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi u fl-2011 inħatar kappillan u mbagħad arċipriet tal-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli.

    Il‑Parroċċa ta’ San Sebastjan tiġbor fiha madwar 9,800 persuna f’2,740 familja.