• On Wednesday 11th November 2015, Archbishop Charles J. Scicluna, celebrated Mass with students from the University of Malta who are going to graduate during the coming weeks. Mass was held at St. John’s Co-Cathedral, Valletta.

     

  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

     

    Kon-katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    11 ta’ Novembru 2015
    L-ewwelnett nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom illejla. Ngħidilkom il-verità, minħabba l-arranġamenti tas-sikurezza għas-summit għidt: ‘nispera li jkun hemm xi ħadd, almenu xi erbgħa jew ħamsa’. Imma nirringrazzjakom li għamiltu l-isforz żejjed u forsi mxejtuha iżjed milli kontu qed tippretendu, biex inġbarna llum flimkien.

    Kieku jkolli niġbor fi frażi waħda din iċ-ċelebrazzjoni tal-lejla, niftakar mal-ewwel fil-ġest ta’ dak is-Samaritan li Ġesù jfaħħar fil-Vanġelu li għadna kemm smajna (Lq 17, 11-19), fejn is-Samaritan jirritorna għand l-Imgħallem biex jgħidlu grazzi. Nixtieq nirringrazzjakom tad-deċiżjoni, li nimmaġina hija mhux biss ħielsa u deliberata tagħkom, imma wkoll għażla ta’ fidi li għamiltu llum biex tiġu quddiem il-Mulej u tgħidulu grazzi.   

    Hija parti miċ-ċeremonjal tal-graduation, li nifhem li hi mħollija f’idejn l-għażla libera tagħkom u għalhekk il-preżenza tagħkom hawnhekkk, lili bħala Isqof tagħkom, tagħmilli ħafna kuraġġ. Minnha rrid nieħu spunt biex tippermettuli anke nfakkarkom fir-responsabbiltà tagħkom.

    Qabel xejn nixtieq nifirħilkom u nifraħ magħkom għax il-jum ta’ gradwazzjoni għal kull student huwa mument ta’ sodisfazzjon, u filwaqt li nsellem lill-professuri tagħkom, lill-għalliema tal-Università, lill-Università għażiża ta’ Malta, l-Alma Mater, dik l-omm ħelwa ta’ kull student tagħha. Iżjed ma titbiegħed mill-Università iżjed tapprezzaha, bħal familja, kważi bħal ġenituri, kultant anke bħall-Knisja. Jiena nimmaġina li għandkom l-għażliet tagħkom, anke għażliet ta’ fidi u ta’ prattika reliġjuża.

    Illum nistedinkom taħsbu ftit fuq din il-proposta li se nagħmlilkom. Veru issa għandkom futur mhux biss minħabba r-rikonoxximent akkademiku li ħadtu, imma anke l-istudji li għamiltu joffri futur miftuħ f’diversi professjonijiet. Il-proposta tiegħi bħala ragħaj tagħkom, la intom ġejtu hawnhekk għax ridtu, hija li ma tinsew qatt id-dimensjoni spiritwali fil-ħajja tagħkom. Intom professjonisti, ċittadini, ‘il quddiem jekk mhux diġa jkollkom il-familja tagħkom jew il-household tagħkom, tinsewx li intom ukoll Insara. In-Nisrani huwa dak li għandu l-barka tal-fidi. Għas-Samaritan, il-fidi li salvatu kien ġest ta’ gratitudni. M’hemmx għalfejn ikollok fidi elaborata ħafna biex inti ma’ Ġesù diġà tħossok at home.

    Jekk aħna nħarsu lejn il-Vanġelu ninnutaw li l-grupp tal-lebbrużi ħassu mhux biss fil-periferija tas-soċjetà għax hekk kienet titlob il-liġi soċjali imposta minn Mosè, imma kien eskluż minn kull kuntatt soċjali. U t-talba ta’ dawn l-għaxar lebbrużi lil Ġesù ma kienitx biss talba għall-fejqan fiżiku imma wkoll għall-integrazzjoni fis-soċjetà. Il-karba tagħhom kienet li ma jibqgħux fil-periferija imma jerġgħu jkunu parti integrali u attiva fis-soċjetà. U l-Mulej jisma’ l-karba tagħhom, jersaq lejhom u bil-fejqan li jagħtihom jerġa jirrestitwihom lis-soċjetà. Għalhekk l-esiġenza: “morru għand is-saċerdoti” (v. 14) għax is-saċerdoti kellhom ir-rwol li jiċċertifikaw il-fejqan komplet mill-lebbra u għalhekk ikunu jistgħu jintroduċu mill-ġdid lil dawk li huma mfejqa fi ħdan is-soċjetà. Wieħed minnhom, qabel jiġi ċċertifikat bħala mfejjaq, jirrealizza li huwa fieq u għandu dejn ta’ gratitudni.

    Jiena nixtieq nawguralkom li l-laqgħa tagħkom mal-Knisja u ma’ Ġesù, fuq kollox ma’ Ġesù, tkun dejjem laqgħa li ġġibilkom fejqan, serħan, paċi u stimolu għas-servizz. Li meta tiltaqgħu verament ma’ Ġesù f’ħajjitkom, anke fis-sagramenti tal-Knisja, fil-laqgħa ta’ nhar ta’ Ħadd meta nisimgħu l-Kelma tiegħu u nitqarbnu, jekk hemm bżonn inqerru, intom terġgħu tieħdu spinta ġdida biex tkunu tassew ta’ servizz.

    Jiena għandi lista ġenerika ta’ diversi fakultajiet rappreżentati minnkom illum u nixtieq ngħid kelma qasira lil kull kategorija ġenerika. Quddiemi hawn rappreżentanzi, naħseb kbar ukoll, tal-fakultà tal-mediċina u kirurġija, tal-kirurġija dentali tax-xjenzi tas-saħħa.

    Dalgħodu kont fi skola sekondarja tal-Istat, u jiena meta jistednuni fi skola ngħidilhom li ma nixtieqx noqgħod inqaddes għax inkella jaħsbu li l-qassis u l-Isqof huwa fabbrika tal-quddies. Jiena nippreferi niddjaloga mal-istudenti u kelli siegħa djalogu ma’ dawn iż-żgħażagħ, fourth u fifth formers, xi darba lkoll konna f’dik l-età, u kien hemm mistoqsija li laqtitni u għalhekk qed insemmieha. Xi ħadd minn dawn iż-żgħażagħ qal: “issa li t-tagħrif tax-xjenza kiber u n-nies naqset mill-fidi…”. U jiena din il-premessa xegħlitli l-bozza ħamra għax warajha hemm il-premessa li hemm inkompattibilità bejn ix-xjenza u l-atteġġjament ta’ fidi. Jekk inti u tiggradwa mill-Università, għad għandek idea tal-fidi bħala maġija, jew għadek temmen f’Alla tipo Harry Potter imma antik, allura hawnhekk se jkollna l-problemi kbar, għax jiena ma nlumekx li inti u tkabbar moħħok fl-għarfien tax-xjenzi naturali, mediċi, tibda tgħid: ‘isma, l-atteġġjament ta’ fidi maġika huwa pwerili, antikwat u assolutament irrelevanti’.

    Jiena llum nixtieq nisfidakom, nies ta’ xjenza, nies li intom jekk ma tarawx xi ħaġa quddiemkom ma temmnuhiex, u b’xi mod ulied spiritwali ta’ Tumas, li qal: “jekk ma narax, jekk ma npoġġix sebgħi fil-pjagi tiegħu, jiena ma nemminx” (ara Ġw 20, 25). U Tumas għandu dixxendenza spiritwali qawwija ħafna. Imma jiena nisfidakom biex tikbru u timmaturaw fil-fidi tagħkom, temmnux f’Alla Babbo Natale, temmnux f’Alla li tixgħellu x-xemgħa biex tgħaddi mill-eżami. Tgħiduli: ‘issa għall-grazzja t’Alla dawk għaddew’. Imma hemm min se jispeċjalizza, u ċert ukoll li meta tibdew intom teżaminaw lil ħaddieħor, ikollkom tixegħlu iżjed xemgħat għax l-eżaminatur jgħaddi minn tensjoni iżjed milli jgħaddu l-istudenti – qed nitkellem mill-esperjenza. Dan għaliex l-achievement tal-istudent huwa l-glorja tal-professur u d-diżastru tal-istudent, sħabek jibdew iduru lejk u jgħidu: ‘mela inti diżastru bħalalecturer, jekk l-istudenti diżastru’. Jiġifieri aħna dejjem se jkollna bżonn l-interċessjoni tal-qaddisin u nitolbu xi pjaċir lil Alla, imma Alla mhux ministru tal-gvern għall-grazzja t’Alla.

    Il-fidi tagħna trid tmur lil hemm minn sempliċement Alla li huwa Deus ex machina li jsolvili l-problemi, jew inkella li għamilt xi waħda u t-tfajla tgħid: ‘Sinjur Alla agħmel li ma ninqabadtx’ u l-ġuvni jgħid: ‘jien għadni żgħir wisq biex inkun missier’. Jiġifieri mhuwiex Alla li jsolvilek il-problemi hekk! Imma l-fidi tagħna trid tkun iżjed soda. Dik tas-Samaritan bdiet b’ġest ta’ gratitudni, huwa ġest razzjonali kważi, għaliex il-fidi mhijiex kontra r-raġuni, il-fidi tmur lil hemm imma għandha bżonn ir-raġuni biex ma ssirx superstizzjoni jew estremiżmu.

    Għalhekk intom, nies ta’ xjenza, agħtu servizz lill-Knisja bix-xjenza tagħkom, u lil dawk tal-mediċina u l-kirurġija, kunu dejjem għas-servizz tal-ħajja sa mill-bidu nett tagħha, fit-tnissil u l-konċepiment sal-aħħar nifs. Irrispettaw id-dinjità tal-bniedem u jekk intom qegħdin hawn, temmnu li Alla huwa sid il-ħajja u mhux aħna. Ejjew ma nagħmlux lilna nfusna allat li niddeċiedu min se jgħix u min se jmut. Nesprimi frażi bl-Ingliż li qal m’ilux il-Kardinal Nichols, l-Arċisqof ta’ Westminster ta’ Londra: “The right to die is somebody else’s duty to kill”. Tidħlux biex toqtlu lil xi ħadd imma kunu dejjem għas-servizz tal-ħajja, veru tal-kwalità tal-ħajja.

    Il-kelma li għandi għal dawk li jirrappreżentaw il-fakultajiet tal-ekonomija, l-management u l-accountancy hija li jmexxu ekonomija li għandha ruħ u mhux biss il-flus bħala l-uniku mezz u l-uniku għan li jiġġustifika l-attività ekonomika. L-ekonomija għandha iżjed minn qatt qabel bżonn ta’ etika, ta’ ruħ, biex ma tkissirx lill-bniedem imma tkun sinjal ta’ veru progress. Tgħiduli: ‘aħna se ngħoddu l-flus ta’ ħaddieħor’, jiena ngħid: ‘jalla jkollkom il-flus tagħkom x’tgħoddu’. Imma intom qegħdin ukoll mhux biss fl-arti tal-ekonomija imma fl-arti li permezz tal-ekonomija l-bniedem sħiħ isib il-progress veru tiegħu. Kif nistgħu nitkellmu fuq il-progress veru tal-ekonomija jekk f’pajjiżna jibqa’ jkollna fabbriki fejn hemm l-islave labour? Possibilment imħallas minn ħaddieħor, imma fuq l-art tagħna, taħt imneħirna! Kif nistgħu ngħidu li aħna għandna l-valuri fis-sod jekk parti tant kbira tal-ekonomija tagħna hija bbażatha fuq il-gaming li jirrendi lil ħaddieħor skjav u addict?  Kif jista’ jkun li aħna nkunu tassew kburin bina nfusna jekk l-uniku kriterju tal-valur tal-bniedem hu kemm għandu flus, jew kemm għandu poter?

    Ma nistax ma ngħidx kelma lil dawk li huma mill-fakultà tal-Ambjent Mibni. Il-weekend li għadda kont f’parroċċa u kont qed namministra s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof, u kien hemm żgħażugħ, deher spontanju u intelliġenti, u ġieni li nistaqsih: “inti x’tixtieq tagħmel meta tikber?” Qalli: “perit, irrid inkun perit”. Għidtlu: “ħu paċenzja, ibnilna affarijiet sbieħ”. Ngħidha lilkom ukoll. U għidtlu: “agħmilli pjaċir tibnix fuq l-ODZ”. Qalli: “Open Development Zone”. Interpretazzjoni ġdida din! Minn Outside Development Zone saret Open Development Zone! Din hija traġedja għal pajjiżna, meta aħna nagħmlu l-liġijiet u nkunu l-ewwel nies li nikkalpestawhom. Nitlobkom bil-ħniena wkoll li tkunu skruplużi u tħarsu l-patrimonju sabiħ arkitettoniku li għandna. Ma nagħmlux l-affarijiet ta’ kafkaf jew inkella amateurish u nagħmlu ħsara irriversibbli lil binjiet li gawdejnihom għal tlett mitt sena mingħajr ma ħaffirnihom, biex nagħmlu ftit dwal ta’ Las Vegas fuqhom. Qed ngħabbikom bir-responsabbiltà. Tinżlux għarkubbtejkom quddiem il-poter li m’għandux valuri.

    Nindirizza wkoll lis-School of Performing ArtsJiena nammira l-kapaċità ta’ nies li permezz tal-ġisem tagħhom, tal-moħħ tagħhom, tar-ruħ tagħhom, jesprimu dak li aħna l-bnedmin m’aħniex kapaċi nesprimu bil-kliem. Jesprimu l-ineffabbli. Nitlobkom biss li waqt li tesprimu l-arti tagħkom, tirrispettaw ukoll u qatt ma tiddisprezzaw lil ħadd.

    Jiena nirringrazzjakom ħafna tal-attenzjoni tagħkom il-lejla, persważ li fhimtu dak li għidt u anke dak li m’għidtx u nawguralkom li dak li ggwadanjajtu bl-istudju tagħkom, ikun opportunità ta’ progress għalikom imma wkoll barka għal pajjiżna, għas-soċjetà u għall-Knisja.  Grazzi f’isem Ġesù.

     

    ✝ Charles J. Scicluna

       Arċisqof ta’ Malta