Tlesta l‑proġett ta’ restawr fuq il‑faċċata, il‑koppla u l‑kampnari tal‑Knisja Parrokkjali tan‑Naxxar, proġett li sar b’investiment ta’ €155,500, li 80% minnhom kienu kofinanzjati minn fondi tal‑Unjoni Ewropea. Il‑proġett ġie inawgurat illum mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Chris Bonett. Preżenti wkoll is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u l‑Arċipriet Dun David Gauci.

Permezz ta’ dan il‑proġett, li għalih ikkontribwixxew ukoll il‑parruċċani tan‑Naxxar, tnaddfet il‑ġebla tal‑faċċata u tal‑kampnari u xi wħud mill‑ġebel, b’mod partikolari dak fin‑naħa ta’ fuq, kellu jinbidel minħabba deterjorazzjoni tal‑ġebla kawża tal‑espożizzjoni għall‑elementi naturali u t‑tniġġis tal‑arja. Ġew irrestawrati wkoll l‑aperturi tal‑injam u tal‑ħadid ta’ mal‑faċċata u xi wħud minnhom reġgħu saru mill‑ġdid. Matul il‑proċess sar ukoll xogħol intensiv fuq il‑koppla minn barra sabiex ma ssirx iktar ħsara lill‑ġebla u sabiex il‑knisja terġa’ lura għas‑sbuħija oriġinali tagħha.

Waqt l‑inawgurazzjoni ta’ dan il‑proġett, l‑Isqof Joseph Galea‑Curmi qal li matul dawn is‑sentejn ta’ pandemija, il‑Knisja baqgħet għaddejja bil‑proġetti ta’ konservazzjoni u restawr f’diversi parroċċi u knejjes. Dan għaliex il‑Knisja tieħu dan l‑impenn b’serjetà kbira u kontinwament tħeġġeġ lill‑poplu jgħożż il‑patrimonju kulturali Kattoliku, li jfakkar fl‑istorja reliġjuża antika u sabiħa tal‑poplu Malti. Huwa awgura li okkażjonijiet bħal dawn jgħinuna nagħrfu niddistingwu bejn dak li jsebbaħ u dak li jkerrah, dak li hu għall‑ġid komuni u dak li jfisser biss gwadann għal ftit min‑nies b’detriment għall‑bqija. L‑Isqof Awżiljarju rringrazzja lis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Chris Bonett kif ukoll il‑predeċessur tiegħu għall‑ħidma tagħhom, lill‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi, u lil dawk kollha involuti b’mod professjonali f’din il‑ħidma ta’ restawr.

Is‑Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li permezz tal‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali qegħdin ninvestu erba’ miljun ewro biex jintużaw mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta sabiex twettaq proġetti ta’ restawr fuq 33 knisja f’Malta bil‑għan li ssir konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal‑wirt kulturali ekkleżjastiku. L‑Onorevoli Bonett qal li “f’dan il‑każ, u bħal lokalitajiet oħra, il‑Kolleġjata ta’ Marija Bambina tan‑Naxxar kien jistħoqqilha restawr u għalhekk il‑gvern ra kif għamel u bl‑għajnuana ta’ Fondi Ewropej investejna f’dan il‑patrimonju mhux biss Naxxari imma wkoll patrimonju Malti”.

Fid‑diskors tiegħu, Michael Pace Ross qal li x‑xogħol li sar fuq il‑knisja tan‑Naxxar jagħmel parti minn programm ta’ restawr ta’ knejjes u kappelli u konservazzjoni ta’ opri tal‑arti li tnieda tliet snin ilu u li oriġinarjament kien jinkludi 15‑il proġett. Ħabbar li  fil‑ġimgħat u x‑xhur li ġejjin se jiġu inawgurati aktar proġetti u l‑Arċidjoċesi se toħroġ sejħiet għal offerti għall‑aħħar ftit proġetti li fadal f’din l‑iskeda. Sostna li meta sas‑sena d‑dieħla se jitlestew il‑proġetti kollha, il‑Knisja se tkun investiet €4.5 miljun fil‑patrimonju reliġjuż, li 80% minnhom ġejjin minn fondi Ewropej.

Il‑Knisja Parrokkjali tan‑Naxxar, li hi ddedikata lil Marija Bambina, inbniet fl‑1630 fuq disinn tal‑perit Tommaso Dingli. Din hi waħda minn għadd ta’ knejjes f’Malta li qed jibbenefikaw mill‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali 2014‑2020.