Nhar il-Ġimgħa, 23 ta’ April, 2010, fit-3:00 p.m, se jiġi organizzat pellegrinaġġ nazzjonali mmexxi mill-Arċisqof Pawlu Cremona OP u min-Nunzju Appostoliku Tommaso Caputo. L-Insara qed jiġu mistiedna jakkumpanjaw b’carcade il-Kwadru tal-Madonna ta’ Pinu mill-Knisja Parrokkjali tal-Mosta lejn is-Santwarju Ta’ Pinu f’Għawdex. Fit-triq se ssir waqfa qasira ħdejn is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa. Għal ħabta tal-4:30p.m, il-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu u l-pellegrini mistennija jitilgħu fuq il-vapur tal-Gozo Channel bl-isem “Ta’ Pinu”.

Għal ħabta tal-5:00 p.m, l-Isqof Mario Grech flimkien mal-poplu Għawdxi se jilqgħu l-Kwadru fl-Imġarr u flimkien jitilqu lejn is-Santwarju Ta’ Pinu, fl-Għarb. Il-pellegrinaġġ se jgħaddi minn Għajnsielem, ix-Xewkija, ir-Rabat u l-Għasri. Mal-wasla ħdejn il-Kappella ta’ San Publiju, tibda purċissjoni lejn is-Santwarju Ta’ Pinu, bis-sehem tas-saċerdoti u  l-fratellanzi Marjani tal-parroċċi Għawdxin. Mal-wasla fuq iz-zuntier tas-Santwarju jibda Pontifikal Solenni b’radd il-ħajr għaż-Żjara Appostolika f’Malta, tal-Papa Benedittu XVI. Il-Pontifikal se jitmexxa mill-Arċisqof Pawlu Cremona flimkien man-Nunzju Appostoliku u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, l-Arċisqof Emeritus Ġuzeppi Mercieca, l-Isqof Emeritus Nikol Cauchi u Isqfijiet ohra.

Il-Gozo Channel qed toffri servizz mingħajr ħlas lill-pellegrini li jaqsmu minn Malta għal Għawdex. Dan l-arranġament ma jinkludix lil dawk li jaqsmu bil-karozza.

Intant, għada l-Ħamis, 22 ta’ April, 2010, fid-9.00 a.m. se jsir pellegrinaġġ bil-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu, mis-Santwarju tal-Karmnu, lejn Bieb il-Belt. Minn hemm il-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu jitlaq b’carcade lejn il-Parroċċa tal-Mosta fejn se ssir ċelebrazzjoni Marjana animata miż-żgħażagħ, mmexxija mill-Arcisqof Pawlu Cremona OP.