• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Santawarju ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Birkirkara

    30 ta’ Settembru 2018

    Hawn qaddisin fil-Knisja li baqgħu magħrufin għall-ħidma kbira tagħhom, għalkemm għamlu għeġubijiet u mirakli f’ħajjithom, u kultant ukoll ivvjaġġaw minn post għal ieħor biex iwasslu l-Evanġelju. Hawn qaddisin oħra li ma marrux ħafna postijiet, m’għamlux affarijiet li minn barra jidhru straordinarji, imma li għexu s-sejħa li Alla tahom, il-ħajja ordinarja tagħhom, b’mod tassew sabiħ u straordinarju. Santa Tereża tal-Bambin Ġesù hi fost dawn, u għalhekk inħossuha ħafna qrib tagħna.

    Kellha ħajja qasira, mietet ta’ 24 sena. Imma din il-ħajja qasira għarfet tgħixha bi qdusija kbira, b’għerf kbir; dak l-għerf li kif smajna fl-Evanġelju, Alla juri liċ-ċkejknin. Meta l-Papa San Ġwanni Pawlu II iddikjaraha duttura tal-Knisja fid-19 ta’ Ottubru 1997—u dakinhar kelli x-xorti nkun hemm fi Pjazza San Pietru—hu għamel dan għax f’ħajjitha qasira, f’kitbietha ħerġin mill-kontemplazzjoni u mill-esperjenza, fissret tassew il-qalba ta’ dak li nemmnu u għamlet dan b’mod tassew sabiħ.

    Jien nixtieq insemmi tliet punti li tgħallimna Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u li huma ta’ għajnuna għall-ħajja tagħna llum.

    Alla jagħtina sejħa partikolari, u iktar ma ngħixuha b’din il-fiduċja sħiħa fih u nintelqu f’idejh, hu iktar imexxina fit-triq tas-sewwa.


    Fiduċja sħiħa f’Alla

    Santa Tereża kellha fiduċja sħiħa f’Alla, li hi għarfitu bħala Alla li jħobb. Sa minn meta kienet żgħira, għarfet din l-imħabba ta’ Alla u fil-waqtiet differenti ta’ ħajjitha, intelqet f’idejh. Għalhekk kellha rieda qawwija li tidħol fil-ħajja reliġjuża, imbagħad għexet din il-ħajja dejjem b’din il-fiduċja fih, ukoll fil-waqtiet ta’ dlam. Hi kellha x-xewqa ssir missjunarja biex twassal l-imħabba ta’ Alla mad-dinja kollha, imma Alla kellu pjanijiet oħra u għalhekk setgħet toffri ħajjitha u t-tbatijiet tagħha, ukoll waqt il-mard, għall-missjoni. Dan hu messaġġ importanti għalina. Lil kull wieħed u waħda minna Alla jagħtina sejħa partikolari, u iktar ma ngħixuha b’din il-fiduċja sħiħa fih u nintelqu f’idejh, hu iktar imexxina fit-triq tas-sewwa.


    L-għaqda bejn l-imħabba ta’ Alla u l-imħabba tal-oħrajn

    Santa Tereża kienet mimlija bl-imħabba ta’ Alla imma għarfet li din trid tgħixha fl-imħabba lejn l-oħrajn, kif smajna fit-tieni qari fl-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann. Għal Santa Tereża kultant xejn ma kien faċli biex tgħix din l-imħabba. Hi għaddiet minn diversi provi fil-ħajja tagħha reliġjuża, imma għarfet li hemmhekk trid tgħix l-imħabba qalb it-tbatijiet kollha. Riedet tmut martri imma sabet li l-martirju kultant tgħixu fil-ħajja flimkien. Dan hu wkoll messaġġ qawwi għalina li f’ħajjitna msejħin biex l-imħabba ta’ Alla tkun f’qalbna u tfur lejn l-oħrajn li magħhom niltaqgħu; lejn dawk simpatiċi u lejn dawk antipatki, lejn dawk li jagħmlulna ħajjitna sabiħa u lejn dawk li jurtawna u jdejquna, lejn min tieħu gost tkun miegħu u lejn min idejqek.

    Meta aħna ngħixu fil-qalb tal-Knisja, inkunu strumenti tal-imħabba ta’ Alla u nsibu l-isbaħ u l-aħjar.

    Is-sejħa li tkun il-qalb fil-Knisja

    Santa Tereża, meta rriflettiet u talbet fuq dak li jgħid San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin f’Kapitli 12 u 13, fittxet postha fil-Knisja bħala l-ġisem ta’ Kristu. San Pawl jispjega kif fil-Knisja hemm diversi ministeri, u meta jqabbel il-Knisja mal-ġisem ta’ Kristu, juri kif kulħadd jista’ jsib il-missjoni li Alla tah fi ħdan il-Knisja. U Santa Tereża għamlet din it-tfittxija, u tgħid li għall-bidu ma għarfet lilha nnifisha f’ebda membru milli jsemmi San Pawl; imma mbagħad rat x’jgħid San Pawl fuq l-imħabba u sabet din il-vokazzjoni li tkun fil-qalb tal-Knisja: “L-imħabba tatni ċ-ċavetta tas-sejħa tiegħi … Fhimt li l-Knisja għandha qalb, u din il-qalb hija mixgħula bl-imħabba. Hi din l-imħabba li trid tħaddem il-membri kollha tal-Knisja … Sibt fl-aħħar is-sejħa tiegħi: is-sejħa tiegħi hija l-imħabba. Fil-qalb tal-Knisja, Omm tiegħi, jien għad inkun l-imħabba” (mill-awtobijografija ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù). Dan hu messaġġ sabiħ għal ħajjitna speċjalment fi żminijietna meta fil-Knisja stess fid-dinja kollha jkun hemm min ixerred il-mibegħda u jrewwaħ il-firda. Meta aħna ngħixu fil-qalb tal-Knisja, inkunu strumenti tal-imħabba ta’ Alla u nsibu l-isbaħ u l-aħjar. B’hekk inkunu qed nagħtu kontribut biex il-ħajja tal-Knisja tkun tassew sabiħa. Dan ikun ta’ ferħ kbir f’ħajjitna.


    Talba

    Nitolbu lil Santa Tereża f’din il-festa tagħha: biex aħna nintelqu f’idejn Alla, biex dejjem ngħaqqdu flimkien l-imħabba ta’ Alla u tal-oħrajn, u biex bħalha inkunu fil-qalb tal-Knisja mixgħula bl-imħabba.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju

     


  • Il-Qari tal-Quddiesa: 
    Qari I: Iżaija 66:10-14
    Salm: 102
    Qari II: 1 Ġw 4:7-16
    Evanġelju: Mt 11:25-30