****                                       

Direttur:          Edward Norton

Atturi:              Edward Norton, Bruce Willis, Gugu Mbatha-Raw, Bobby Cannavale, Alec Baldwin, Wliiam Dafoe, Cherry Jones u Michael K. Williams

Ħin tal-Film:    144 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

Fl-1950, f’New York City, Lionel Essrog kien jaħdem bħala detektiv f’aġenzija flimkien ma’ Gilbert Coney, Dany Fanti u Tony Vermonte. Frank Minna, il-boss tagħhom kien salvhom meta bħala tfal kienu f’orfanatrofju fejn kienu jiġu abbużati. Lionel, mlaqqam “Motherless Brooklyn”  kien ibati minn sindrome Tourette għalkemm kellu memorja  fotografika.

Frank kien qiegħed jaħdem fuq każ sigriet u perikoluż. Hu talab lil Lionel u lil Gilbert biex iżommu għajnejhom fuq il-passi tiegħu meta kien sejjer jiltaqa’ ma’ Wiliam Lieberman u Lou biex jippreżentalhom dokumenti fuq negozju li kien fil-periklu li jfalli. Meta Frank ipprova jinnegozja prezz għola, l-irġiel ġagħluh imur magħhom għand l-oriġinal. Lionel u Gilbert segwewhom u kif Frank flimkien ma’ Liieberman u Lou waslu fid-destinazzjoni tagħhom, sefa’ maqtul.

Lionel u Gilbert jaslu fuq il-post u jaraw id-delitt u  għalkemm ħaduh l-isptar, hu miet bil-feriti li sofra.  Julia, l-armla ta’ Frank, irħiet  f’idejn Tony it-tmexxija tal-uffiċċju. Lionel beda jilbes il-kappell u l-kowt ta’ Frank. Fil-but sab kaxxa tas-sulfarini li fuqha kien hemm isem ta’ jazz bar  ġewwa Harlem. Lionel jintebaħ li fl-investigazzjoni, Frank sab imdaħħla Laura Rose li kienet taħdem għal Gabby Horwitz li kien jiġġieled kontra l-modernizzazzjoni ta’ proprjetà qadima għad-detriment tal-fqar  u l-minoranzi li kienu jgħixu fihom. Lionel imur għal laqgħa fil-kunsill ċiviku tal-belt biex jiltaqa’ ma’ Moses Randolph li kien inkarigat mill-iżvilupp tal-belt. Moses kien il-bniedem li kien ħerqan  li dan l-iżvilupp iseħħ.  

Lionel biex isir jaf aktar fuq il-proġett, jaghmilha ta’ reporter. Hawn isir jaf lil Laura. Din tieħdu fi club fejn Frank kien fil-fatt qiegħed jinvestiga. Hemm jiltaqa’ ma’ Billy missier Laura li jassumi li Lionel kien wieħed minn-nies ta’ Moses. B’riżultat li Lionel safa’ aggredit u spiċċa stordut. Jiġi salvat minn wieħed li kien jafu u jsir jaf li Paul, perit, kien ħu Moses. Jsir jaf ukoll li Lieberman kien qiegħed jirċievi flus illegali fuq bejgħ tad-djar u li fl-iskema kien hemm it-tbagħbis. X’kien qiegħed jiġri fir-realtà? Min kien wara din il-korruzzjoni kollha?   

Film Amerikan mimli azzjoni u taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Edward Norton. Minħabba vjolenza u qtil brutali kif ukoll kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.