L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Propju fl-ewwel jum tas-sena, il-Knisja mad-dinja kollha tiċċelebra s-solennità ta’ Marija Omm Alla. Marija, li kellha lil binha Ġesù li kien Alla, hi għalhekk Omm Alla.
Meta niċċelebraw din il-festa fl-ewwel ġurnata tas-sena, qisu hemm messaġġ importanti għalina li jekk aħna nixtiequ li nibdew din is-sena u nkompluha b’mod tajjeb, għandna nħarsu lejn Marija, Omm Alla, u tkun hi li takkumpanjana matul din is-sena.
Nixtieq li nħarsu lejn Marija Omm Alla, u naraw b’liema mod tista’ takkumpanjana u b’liema mod hi ta’ ispirazzjoni għalina għal kull ġurnata ta’ din is-sena.
Fiduċja
L-ewwel nett, meta nħarsu lejn Marija, naraw omm li kellha fiduċja kbira f’Alla. Kien minħabba f’hekk li setgħet issir Omm Alla. Meta l-anġlu Gabriel dehrilha u qalilha bil-pjan ta’ Alla li hi ssir Omm Alla, għalkemm ma fehmitx kollox, meta għarfet li ġejja minn Alla, qalet: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38) B’dak il-mod saret omm, u Omm Alla.
Kienet din il-fiduċja li dejjem mexxietha fil-ħajja tagħha mhux biss l-ewwel darba li niltaqgħu magħha fl-Evanġelju, imma kull darba. Dejjem hi ta’ ispirazzjoni għall-ħajja tagħna. Jekk aħna rridu sena tajba, għandna niftakru f’din il-fiduċja f’Alla: li Alla se jmexxina kull jum ta’ din is-sena ġdida. Hi fiduċja li Alla qiegħed magħna, u jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina.
Din hi l-ewwel talba li nixtieq nagħmel illum lil Marija, biex aħna bħalha jkollna din il-fiduċja sħiħa f’Alla matul din is-sena.
Paċi
Marija hija wkoll l-omm ta’ ħafna paċi. Il-Papa Emeritu Benedittu XVI, li għadda għall-ħajja ta’ dejjem ilbieraħ, u li f’ħajtu tant għamel ġid bix-xhieda u bil-kelma tiegħu, jagħmel din ir-riflessjoni b’rabta mal-festa ta’ Marija Omm Alla. Jgħid li Marija dejjem kellha l-paċi f’qalbha, u għarfet li l-paċi tal-qalb ma tiddependix minn dak li tgħaddi minnu, imma hi xi ħaġa iktar profonda.
Marija għaddiet minn ħafna diffikultajiet, biss biss meta ġiet biex twelled lil binha u ma kellhiex fejn, kienet irrifjutata post; ma kellhiex lil min jilqagħha, u kienet ’il bogħod mill-qraba tagħha. Hija sofferenza kbira li trid tgħaddi mill-esperjenza tat-twelid ’il bogħod minn qraba oħra li setgħu għenuha. U wara t-twelid tat-tarbija, hija sofferenza li Marija trid titlaq ma’ Ġużeppi lejn l-Eġittu bħala refuġjata, għax il-ħajja tat-tarbija kienet fil-periklu.
Imma, qalb dan kollu, Marija ma ħallietx lil dawn iċ-ċirkustanzi kollha ibsin itellfulha l-paċi f’qalbha. Hekk smajna llum fl-Evanġelju: “Marija kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha, u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19). Kienet din il-paċi li tmexxiha ’l quddiem qisu dawl qalb id-dlam. Dan hu l-messaġġ tal-Papa Franġisku għal Jum il-Paċi ta’ din is-sena, li niċċelebrawh illum: li hemm id-dawl anke fl-aktar lejl mudlam. Nitolbu lil Marija biex matul din is-sena ġdida aħna jkollna l-paċi f’qalbna, u dan jagħtina dawl f’ċirkustanzi fejn ma narawx ħlief dlam.
Għożża
Meta niċċelebraw illum il-maternità ta’ Marija, hi tfakkarna fl-għożża tal-ħajja. Marija kellha l-awtur tal-ħajja fi ħdanha, u lil Marija narawha dejjem tipproteġi l-ħajja ta’ binha u tgħożż il-ħajja ta’ binha. Dan mhux biss meta kellha tmur minn post għall-ieħor biex titħares il-ħajja ta’ Ġesù, imma meta kien għadu fil-ġuf, sa mit-tnissil. Hemmhekk Marija bdiet tħobb lil binha.
L-omm hija dik li fil-ġuf tagħha tħaddan ħajja ġdida li hi dgħajfa, vulnerabbli u dipendenti, ħajja li fl-ewwel mumenti tagħha ma tgħix jekk mhux għax tirċievi s-sostenn kontinwu mill-omm. Għalhekk il-ġuf mhux xi container b’xi ħaġa mqiegħda fih, imma hu post qaddis fejn tinbena din ir-relazzjoni kontinwa mat-tarbija.
Marija hija l-omm li bniet din ir-relazzjoni kontinwa ma’ Ġesù meta kien għadu fil-ġuf. Mill-ewwel mument tat-tnissil, meta l-ftit ċelloli kienu diġà ħajja umana, hemmhekk bdiet din ir-relazzjoni ta’ Marija ma’ binha Ġesù, relazzjoni ta’ mħabba li kompliet tikber u tissaħħaħ meta Ġesù kien għadu fil-ġuf.
Marija għamlet għażla b’messaġġ qawwi għalina: hi tilqa’ u tgħożż it-tarbija mill-ewwel mument tal-eżistenza tagħha, mit-tnissil. Marija hija, għalhekk, b’mod speċjali l-omm tal-ħajja, l-omm li tatna l-awtur tal-ħajja. Nitolbu lil Marija biex tkompli takkumpanjana f’din l-għożża tal-ħajja f’kull ġurnata tas-sena.
Tama
Marija hija l-omm tat-tama, dik li tgħinna biex ma naqtgħux qalbna. Hija tifhimna, tinkoraġġina, tagħmlilna l-qalb biex nimxu ’l quddiem b’kuraġġ.
Għadna kif bdejna sena ġdida, u l-messaġġ l-iktar importanti f’dan l-ewwel jum tas-sena l-ġdida hu: jekk irridu sena tassew tajba, sena li fiha nagħmlu l-ġid, inħarsu lejn Marija u nitolbuha tkompli takkumpanjana u tiggwidana matul din is-sena. Tgħinna biex bħalha jkollna l-fiduċja sħiħa f’Alla, il-paċi f’qalbna, u l-għożża tal-ħajja umana.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta