• ****

    Direttur:          Aaron Sorkin

    Atturi:              Jessica Chastain, Idris Elba, Kevin Costner, Michael Cera, Jeremy Strong, Chris O’Dowd, Graham Greene u Bill Camp

    Ħin tal-Film:    140 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       15

    Molly Bloom, ta’ tnax-il sena, kellha esperjenza xejn sabiħa meta ghaddiet minn operazzjoni serja f’daharha. Għaddiet minn din l-esperjenza biex tkun tista’ tissokta  l-ambizzjoni tagħha li tkun tista’ tieħu sehem għal pajjiżha fil-Logħob Olimpiku tax-xitwa fid-dixxiplina ta’ l-iski. Fil-fatt il-ħolma tagħha, waqt il-kompetizzjoni biex tikkwalifika, ntemmet meta kellha inċident serju. Għalkemm fortunatament ma kienx fatali, iżda kellu jbiddel ħajjitha għal kollox.

    L-ewwel xogħol li daħlet għalih kien ta’ waitress li ma kienx ta’ wisq sodisfazzjon għaliha. Permezz ta’ kuntatti li ghamlet, bdiet taħdem ma’ Dean Keith, aġent tal-proprjetà li xejn ma kien onest tant li kien hu li daħħalha fid-dinja tal-logħob tal-powker. Minn hawn bdiet tagħmel il-flus bit-tipps li kienet taqla’ mill-klienti. Keith oġġezzjona tant li Molly ħallietu f’nofs ta’ ġimgħa u bdiet taħdem għar-rasha mill-esperjenza li kienet kisbet. Bil-flus li kienet għamlet, b’$10,000 kriet kamra lussuża fil-Viper Room ġewwa Los Angeles. Minn hawn, għal għaxar snin sħah,  bil-kuntatti li ġa kellha, offriet  servizz tal-logħob tal-powker għal sinjuri kbar, fosthom atleti ta’ fama, negozjanti kbar, persuni rjali kif ukoll atturi famużi taċ-ċinema f’Hollywood.

    Molly wara din l-esperjenza li ntemmet meta daħlu bis-saħħa l-Marmalja Russa, kitbet ir-rakkont awtobijografiku tal-esperjenzi personali mingħajr qatt ma semmiet ismijiet li darba fil-ġimgħa kienu jagħmlulha żjara biex jilgħabu l-powker għall-flejjes kbar fil-‘klabb’ tagħha.  Jgħaddu sentejn mill-pubblikazzjoni  ta’ dan il-ktieb: Mollys Game u lejl wiehed f’April 2013, sabet ruħha arrestata mill-FBI u  akkużata li kienet mexxiet imperu bil-moħbi ta’ logħob illegali. X’jiġri minn hawn? Molly issib ruħha fil-bżonn ta’ avukat tajjeb u ta’ fama biex joħroġha minn din il-problema serja li kienet tfisser, jekk tinstab ħatja, għaxar snin ħabs. B’xorti tajba għaliha, l-avukat Charlie Jaffrey jaċċetta li jieħu l-każ f’idejh għalkemm mhux mill-ewwel. Kif sejra tinqata’ l-kawża hekk kif tibda tinstema’ quddiem l-Imħallef Foxman?

    Film Amerikan, dramm kriminali, hu taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Aaron Sorkin u bbażah fuq il-memoirs ta’ Molly Brown stess. Film interessanti u li jżommok fuq ix-xwiek sal-aħħar bil-protoganisti tal-film: Jessica Chastain u Idris Elba jaqilghu l-parti b’sengħa kbira. Joħroġ tajjeb il-karattru ta’ Molly li kien ġie effettwat mit-trobbija li kellha minn missier li kien jistenna ħafna minnha.