Il-parroċċa ta’ Wied il-Għajn għal sena oħra qed torganizza quddiesa għall-persuni li qegħdin jistennew tarbija.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Fr Luke Cutajar, il-kappillan ta’ Wied il-Għajn, dwar din l-attività li se ssir fis-26 ta’ Lulju fis-6.30pm, propju fil-festa ta’ Sant’Anna li hija patruna tan-nisa tqal, tal-familji li jkunu qegħdin jistennew tarbija kif ukoll għal dawk kollha li jixtiequ jsiru ġenituri.

Hu stqarr li Sant’Anna ttamat fil-Mulej biex tkun omm Marija li permezz tagħha twieled Ġesù.

Għal din il-quddiesa, ġewwa l-parroċċa ta’ Wied il-Għajn jattendu nies minn Malta kollha u din hija waħda minn sensiela ta’ quddies b’din l-interċessjoni ta’ Sant’Anna.

Attivitajiet oħra marbutin mal-festa, jinkludu l-Lejla Żgħażagħ li ssir eżatt wara din il-quddiesa. Din hija serata divertenti ta’ kant, żfin, sport, logħob u attivitajiet oħra għall-familja kollha. Din is-sena hemm mistednin l-kantanti Joe Roscoe u Gianluca Bezzina.

Fr Luke qal li dan hu mument sabiħ fejn l-għaqdiet u l-gruppi jingħaqdu flimkien matul din il-ġimgħa tal-festa f’diversi attivitajiet fosthom bl-impenn dirett taż-żgħażagħ.

Il-quddiesa prinċipali tal-festa, ssir lejlet il-festa, is-Sibt u ssir barra fuq is-simenta max-xatt ta’ Wied il-Għajn mhux ġol-knisja għax jattendu aktar minn 1,500 ruħ u l-knisja ma tesgħax dil-folla daqstant kbira.

Fr Luke f’isem il-parroċċa ta’ Wied il-Għajn li tilqa’ fi ħdanha anke diversi komunitajiet internazzjonali stieden lil kulħadd jattendi biex il-fidi tagħna tkompli tixbah aktar lil dik ta’ Sant’Anna li dejjem ittamat fil-providenza tal-Mulej.

Source: Newsbook.com.mt