565 żgħażagħ Maltin u Għawdxin ħallew Malta sabiex flimkien ma’ eluf ta’ żgħażagħ oħra minn madwar id‑dinja u mal‑Papa Franġisku jipparteċipaw fil‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ f’Lisbona l‑Portugall. Il‑grupp Malti se jkun immexxi milll‑Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma. Il‑Papa xtaq li t‑tema għal din is‑sena tkun “Marija qamet u marret tħaffef” (Lq 1:39) sabiex iħeġġeġ liż‑żgħażagħ jimxu fuq l‑eżempju ta’ Marija u ma jibżgħux ixandru l‑Bxara t‑Tajba.

Il‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ hija laqgħa internazzjonali għaż‑żgħażagħ kollha fejn flimkien mal‑Papa Franġisku jiċċelebraw iż‑żgħożija, il‑fidi tagħhom f’Ġesù, u jaqsmu l‑aspirazzjonijiet għall‑ġejjieni permezz ta’ attivitajiet spiritwali u soċjali. Il‑Papa Franġisku se jieħu sehem fl‑attivitajiet ewlenin li jinkludu ċ‑ċerimonja tal‑ftuħ, il‑via crucis tradizzjonali, il‑velja ta’ billejl, u l‑quddiesa tal‑għeluq.

L‑Isqof Anton Teuma qal li n‑numru sabiħ ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin li se jgħixu din l‑esperjenza hi sinjal ta’ tama għall‑Knisja f’Malta. “F’dinja fejn kulma jmur kulħadd jaħseb dejjem aktar għal rasu, permezz ta’ din l‑esperjenza, iż‑żgħażagħ iridu jwasslu messaġġ qawwi lil kulħadd, li għandna bżonn xulxin,” saħaq l‑Isqof Teuma.

Benjamin Flores Martin, id‑Delegat tal‑Arċisqof għaż‑Żgħażagħ, qal li jittama li ċ‑ċelebrazzjonijiet tal‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ ikunu ta’ ispirazzjoni għaż‑żgħażagħ Maltin li se jattendu sabiex huma wkoll imiddu jdejhom u jwasslu l‑Kelma ta’ Ġesù fil‑komunitajiet tagħhom u fis‑soċjetà Maltija.

Il‑Malta Catholic Youth Network (MCYN) u l‑Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ Għawdex (KDŻG) qed jieħdu ħsieb l‑organizzazzjoni tal‑attivitajiet tal‑Maltin. Matul l‑aħħar xhur tħejjew diversi attivitajiet bi preparazzjoni għal dan l‑avveniment, kemm għaż‑żgħażagħ li sejrin Lisbona kif ukoll għal dawk li se jsegwu ċ‑ċelebrazzjoni minn Malta permezz tal‑involviment tagħhom fil‑gruppi u komunitajiet tagħhom.

Il‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ twaqqaf mill‑Papa San Ġwanni Pawlu II fl‑1983. Iċ‑ċelebrazzjoni ta’ din is‑sena hi 16‑il edizzjoni, u se ssir bejn  l‑1 u 6 ta’ Awwissu 2023. Aġġornamenti dwar l‑esperjenza taż‑żgħażagħ f’Maltin se jkunu qed jittellgħu fuq il‑paġna ta’ Facebook World Youth Day Malta u fuq Newsbook.com.mt

Aktar ritratti