Il-President tal-Ghana, John Atta Mills, kellu kliem ta’ tifħir għall-hopeXchange Health Project, li hu sejjaħ bħala sforz kollaborattiv uniku ta’ esperti u istituzzjonijiet mill-aqwa, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, li se jaħdmu flimkien biex jindirizzaw ħtiġijiet maġġuri tas-saħħa fil-Ghana u fl-Afrika ’l Isfel mis-Saħara.

Il-hopeXchange Medical Center inbena mill-organizzazzjoni tal-karitàHopeXchange, inizjattiva umanitarja tal-Institute for World Evangelisation – ICPE Mission, li għandu għarfien Pontifiċju u li twaqqaf f’Malta minn Mario u Anna Cappello fl-1985.

Il-President Mills faħħar dan iċ-Ċentru – faċilità dijanjostika u kurattiva li nbniet dan l-aħħar f’Kumasi, il-Ghana, u li se tiffoka b’mod speċjali fuq mard li jittieħed bħal malarja u l-HIV, il-kanċer tas-sider, malformazzjoni tal-wiċċ u oftalmoloġija.

Il-fondi għall-bini ta’ dan l-isptar inġabru bl-isforzi tal-Ghana Mission Foundation u bil-ġenerożità kbira tal-poplu ta’ Malta u Għawdex. Il-President Mills esprima l-apprezzament tiegħu għall-isforzi ta’ hopeXchange biex ittejjeb il-kapaċitajiet tal-kura tas-saħħa u biex tespandi l-opportunitajiet tat-taħriġ u l-aċċessibilità ta’ servizzi mediċi speċjaliżżati fil-Ghana u fl-Afrika tal-Punent.

Biex tkun taf aktar dwar din l-istorja, żur is-sit www.il-gensillum.com