Il-Maltin huma fost l-inqas Ewropej li jsibuha diffiċli biex jgħixu bid-dħul li għandhom jew li jħossu li l-kriżi finanzjarja żiedet il-livell ta’ faqar f’pajjiżhom. Dan minkejja li huma fost l-iktar li għandhom diffikultajiet finanzjarji!

Din l-istampa ambigwa toħroġ minn stħarriġ li sar mill-aġenzija Ewropea responsabbli mill-analiżi tal-opinjoni pubblika, il-Eurobarometer, u ppubblikat iktar kmieni din il-ġimgħa.

L-istħarriġ kien ippubblikat hekk kif żgħażagħ Maltin minn għaqdiet u movimenti differenti impenjati fil-proġett Y Standup? iddiskutew il-faqar f’Malta u x’jaħsbu li għandha tkun il-politika ta’ Knisja u Stat dwar il-faqar, flimkien mal-politiċi miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti, u nhar il-Ħamis li għaddha mal-Arċisqof Pawlu Cremona OP. Il-Proġett Y Standup?tnieda mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ bl-iskop li ż-żgħażagħ jingħataw l-ispazju sabiex isemmgħu l-vuċi tagħhom fil-Knisja u fis-soċjetà.

Iż-żgħażagħ qablu li f’Malta jeżisti faqar, aktarx moħbi, u dan kemm faqar materjali kif ukoll faqar spiritwali, emozzjonali, u intellettwali. Iż-żgħażagħ identifikaw il-fatt li persuni ma jipprijorittizzawx il-bżonnijiet tagħhom bħala kawża ewlenija tal-faqar f’Malta u saħqu dwar il-bżonn li Knisja u Stat jimpenjaw ruħhom f’edukazzjoni li tirrispetta l-bżonnijiet kollha tal-persuna, u mhux biss il-bżonnijiet ekonomiċi. Huma rrimarkaw li din il-ħidma edukattiva tista’ ssir kemm permezz tal-edukazzjoni fl-iskejjel, programmi edukattivi għall-familja u anki bil-medja. Il-bżonn tal-edukazzjoni nħass l-iktar fl-għarfien li minkejja li persuna jista’ jkollha dħul finanzjarju tajjeb, jekk din ma tużahx kif imiss xorta tista’ tgħix il-faqar materjali, minbarra forom oħra ta’ faqar.

Iż-żgħażagħ sostnew li l-pressjonijiet tas-soċjetà, fosthom bil-peer pressure u l-midja, jistgħu jinfluwenzaw il-prijoritajiet tal-konsumatur, li allura jħallu effett fuq l-aspirazzjonijiet għall-għajxien dinjituż tal-familji. Grupp ta’ żgħażagħ, ikkowtaw esperjenza partikolari ta’ familja li xtrat plasma screenwaqt li l-faċilitajiet sanitarji tagħhom kienu toqba fl-art, u dan għaliex fuq il-post tax-xogħol, il-missier kien jisma’ lil sħabu jitkellmu dwar il-plasma li kienu għadhom kemm xtraw, iżda ħadd ma kien jitkellem fuq il-kamra tal-banju. Iż-żgħażagħ saħqu wkoll li minbarra faqar materjali, f’Malta jeżisti ħafna faqar emozzjonali u spiritwali aktarx frott xejriet individwalistiċi u appellaw, b’mod speċjali lill-Knisja, biex timpenja ruħha iżjed f’ħidma ta’ akkumpanjament ta’ persuni f’dan it-tip ta’ faqar.

Biex tkun taf aktar dwar din l-istorja, żur it-taqsima Aħbarijiet fl-edizzjoni ta’ din il-ġimgħa tal-ĠensIllum billi zzur is-sit www.mediacentre.org.mt