L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Bil-parabbola tal-għaxar xebbiet, Ġesù jrid jurina x’għandna nagħmlu biex nidħlu fis-Saltna tas-Sema. Hawn qed isemmi dawn l-għaxar xebbiet li kienu lesti biex jakkumpanjaw lill-għarus bl-imsiebaħ mixgħula – għax din kienet ċerimonja li ssir bil-lejl.

Imma Ġesù jgħid: ħamsa kienu boloh u ħamsa għaqlin. X’juri l-bluha u l-għaqal? L-għaqlin ħadu ż-żejt fil-kwies biex ikollhom biżżejjed għall-imsiebaħ, ħa jibqgħu mixgħula, u l-boloh ma ħadux żejt magħhom. Għalhekk, meta ġie l-għarus, daħlu l-għaqlin filwaqt li l-oħrajn kienu qed ifittxu biex jaraw fejn se jsibu ż-żejt għall-imsiebaħ. Waslu tard u ma tħallewx jidħlu. 

Din il-parabbola Ġesù qalha biex niftakru li f’ħajjitna għandna dejjem ngħixu ppreparati.  Fil-fatt, din hi l-kelma li jgħid Ġesù fl-aħħar: “Ishru mela, għax ma tafux la l-jum u lanqas is-siegħa”. Hu jrid li aħna nkunu ppreparati għal din il-laqgħa tagħna miegħu fl-aħħar ta’ ħajjitna, u għaliha nippreparaw billi minn issa nkunu qalbna miftuħa għal-laqgħa tagħna miegħu kull jum tal-ħajja tagħna. Hu b’hekk li aħna tassew nippreparaw ruħna, għax din mhix xi ħaġa li tħalliha għall-aħħar imma xi ħaġa li għaliha tipprepara ġurnata b’ġurnata. “Ishru” ma tfissirx l-aktar hawnhekk “torqodx”, għax fil-fatt kollha raqdu, imma li tkun ippreparat; biex meta l-Mulej isejjaħlek, inti tkun ippreparat jew ippreparata.

Il-Papa Franġisku jispjegaha b’mod sabiħ ħafna: hi l-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn li ssostni l-fidi, u tgħinna biex il-fidi ma tkunx sempliċiment xi ħaġa li nistqarruha,

Għalhekk hu importanti dak li jgħid Ġesù: li nagħrfu kif ngħixu minn issa din il-laqgħa tagħna miegħu, li hi l-aqwa preparazzjoni għall-aħħar ta’ ħajjitna. Ma nħallux għall-għada, għax għada, u għada, u għada ma jasalx! Ma ngħidux: inħallu sal-aħħar ta’ ħajjitna biex nippreparaw għal-laqgħa mal-Mulej, u li ma hemmx għalfejn nippreparaw ruħna minn issa. Ġesu jgħid li rridu nippreparaw minn issa, ma nħallux għall-għada. Niftakar poeżija mill-poeżiji li konna nistudjaw l-iskola, ta’ Patri Marjanu Vella OFM, li kienet tgħid hekk: “Għada niġi, għada niġi, għada li ma jasal qatt…” Irridu noqogħdu attenti li ma nipposponux għal għada dak li għandna nagħmlu llum.

Ġesù jsemmi l-musbieħ u ż-żejt. Il-musbieħ hu s-simbolu tal-fidi, meta hu musbieħ mixgħul; imma dik li ssostnih hi l-imħabba. Il-Papa Franġisku jispjegaha b’mod sabiħ ħafna: hi l-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn li ssostni l-fidi, u tgħinna biex il-fidi ma tkunx sempliċiment xi ħaġa li nistqarruha, minn barra tidher li temmen u minn ġewwa le, imma tkun l-imħabba li ssostni l-fidi tagħna. Għalhekk, jekk f’ħajjitna nkunu moħħna biss fl-interessi personali tagħna, isuqna biss dak li jagħmilna komdu, u nehdew f’dan u l-oħrajn ma jeżistux, ma għandniex dik l-imħabba li ssostnilna l-fidi. Imma jekk min-naħa l-oħra, il-ħajja tagħna ngħixuha, kif għallimna Ġesù, bi mħabba lejh u lejn l-oħrajn u b’servizz lejn in-nies, speċjalment dawk li qegħdin f’diffikultà u għaddejjin minn tbatija, qed nippreparaw ruħna. Hi din l-imħabba li ssostni l-fidi tagħna u tagħmilha fidi ħajja, u b’hekk inkunu tassew musbieħ li jixgħel, għax għandu ż-żejt, u ż-żejt li jsostni tassew id-dawl li jagħti l-musbieħ.

Ejjew nitolbu lill-Mulej illum, anke ispirati minn dak li jgħid San Pawl fl-Ewwel Ittra lit-Tessalonkin, biex nagħrfu ngħixu ppreparati, mimlijin bl-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn, u ngħixuha b’mod konkret. Hi l-fidi li tispira l-imħabba, u l-imħabba li hi l-ħarriesa tal-fidi tagħna. Nitolbu speċjalment illum fit-tifkira ta’ Santa Monika, eżempju hekk sabiħ ta’ musbieħ mixgħul, b’dik l-imħabba li kienet tmexxiha lejn Alla u lejn l-oħrajn, speċjalment dawk qrib tagħha u l-familja tagħha. Nitolbuh lill-Mulej biex f’ħajjitna nkunu tassew musbieħ li jixgħel, sostnut miż-żejt tal-imħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju