-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Knisja Parrokkjali ta’ San Ġwann tas-Salib, Ta’ Xbiex
19 ta’ Mejju 2019Kif tidħol f’din il-knisja parrokkjali ta’ Ta’ Xbiex, ħaġa li tolqtok hi dik il-kitba kbira li hemm mal-ħajt tal-artal li tgħid: “Fejn ma ssibx l-imħabba, qiegħed l-imħabba u tieħu l-imħabba.” Dan hu l-kliem ta’ San Ġwann tas-Salib, il-patrun ta’ din il-parroċċa. Ifakkarna ħafna fil-kliem ta’ Ġesù li għadna kif smajna llum fl-Evanġelju.
Nixtieq li nirriflettu fuq tliet punti li jsemmi Ġesù hu u jkellem lid-dixxipli tiegħu:
- Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin
- Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.
- Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, mill-imħabba ta’ bejnietkom
X’hemm ġdidĠesù jgħidilna: nagħtikom kmandament ġdid. ‘Ġdid’ mhux għax id-dixxipli qatt ma kienu semgħu li għandhom iħobbu lil xulxin. Imma hu ġdid għax l-imħabba vera, kif urihielna Ġesù, hi dejjem ġdida. L-imħabba ġejja minn Alla u meta tidħol fina tagħtina dejjem dak li hu ġdid; qatt ma tiqdiem jew tiskadi. L-imħabba tiegħu li mbagħad naqsmu mal-oħrajn hi mħabba dejjem friska u ġdida. Din hi l-esperjenza tagħna fil-ħajja meta nħobbu tassew b’imħabba vera.
Bħalma ħabbna huĠesù jgħidilna: bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Din hi stedina lilna lkoll. Hi sfida iebsa kultant għal ħajjitna għax mhux faċli nħobbu bil-mod li ħabbna hu.
Imma lejh irridu nħarsu, ħalli naraw kif ħabbna hu. Ġesù jurina li l-imħabba tfisser li tistma lill-oħrajn, tixtiqilhom il-ġid, ikollhom post għalihom f’qalbek, tfittex li tgħinhom fil-ħtiġijiet tagħhom. Hu jurina li l-imħabba tfisser għotja tagħna nfusna, mhux li nużaw lil ħaddieħor għall-iskopijiet tagħna.
Ġesù jurina li għandna nħobbu lil kulħadd għax kull persuna hi xbieha ta’ Alla. Tista’ tkun ta’ ġilda sewda, jew bajda, jew kannella, jew kulur ieħor; tista’ tkun ta’ razza jew oħra. Għandna nħobbu lil kulħadd, hu min hu, hi min hi. Ħadd mhu inqas bniedem, jew bniedem ta’ klassi inqas.
Ġesù jurina li l-imħabba tfisser kultant maħfra: li int taħfer lil min għamillek il-ħsara, li ma tpattix deni b’deni. Dan mhux għax ma tħossx il-weġgħa, imma għax minkejja dak li tħoss tagħżel li tħobb bħalma ħabbna hu.
L-imħabba tfisser sagrifiċċju. Irridu naħdmu biex negħlbu dak li nħossu fina kultant: l-għira, il-mibegħda, il-preġudizzji, il-ħajriet egoistiċi li jaqbdu magħna. Dawn jistgħu jitfu l-imħabbba fina. Imma jistgħu wkoll jipprovdu okkażjoni għalina biex nikbru fl-imħabba u ma nħallux dak li nħossu fina jirkibna, imma nirbħuh bl-għajnuna li jagħtina Ġesù stess.
Minn dan ningħarfuJgħid ukoll Ġesù: minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi: mill-imħabba ta’ bejnietkom. Riedha tkun il-karatteristika partikulari li tiddistingwina bħala dixxipli tiegħu.
Ma qalilniex li se ningħarfu min-numru – għax bilfors inkunu folol kbar – lanqas li se ningħarfu mill-poter jew is-saħħa li jkollna bħala grupp ta’ dixxipli. Il-karatteristika li għandha tiddistingwina hi l-imħabba bejnietna.
Dan hu l-messaġġ li llum nixtieq inwassal fil-bidu tal-Viżta Pastorali f’din il-parroċċa: ejjew naħdmu ħalli nibnu dejjem aktar hawnhekk f’Ta’ Xbiex komunità fejn ningħarfu mill-imħabba ta’ bejnietna, u dan ikun jidher b’mod qawwi fi kliemna, fil-kitba tagħna, fl-attitudni tagħna. Din hi xhieda li tħalli ħafna ġid.
Minn dak li jgħid Ġesù, nistgħu nifhmu wkoll kemm hu veru l-kuntrarju, jiġifieri li ningħarfu li m’aħniex dixxipli tiegħu jekk ikun hemm il-mibegħda bejnietna. Ħa nsemmi bħala eżempju s-social media u tant kummenti li jidhru kuljum; jekk dak li niktbu jkun jinsulta, iweġġa’, jiftaħ il-feriti, jiżra’ l-firda, ikattar il-preġudizzji, allura ċertament li minn dan inkunu ningħarfu li m’aħniex dixxipli ta’ Ġesù.
Għalhekk illum nitolbu lil Ġesù biex ikompli jimliena bl-imħabba tiegħu dejjem friska u ġdida; biex jagħtina l-qawwa ħalli nħobbu bħalma ħabbna hu; u biex bl-imħabba ta’ bejnietna nistgħu nagħtu l-isbaħ xhieda bħala dixxipli ta’ Ġesù.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju -
-