L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hemm sentenza li qal Ġesù li nixtieq li tibqgħu tiftakru wara din il-ġurnata għax hi kelma tant sabiħa għal ħajjitna. Darba Ġesù, meta kien qed jispjega l-missjoni tiegħu, qal hekk: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16). Din is-sentenza tiġbor proprju dak li qed niċċelebraw illum fil-Milied, meta qed niċċelebraw lil Alla li sar bniedem fostna, tarbija f’Betlehem. Din is-sentenza turi dak li hemm bżonn niftakru u ngħożżu fil-ħajja tagħna. Għalhekk nixtieq li tibqgħu tiftakru din is-sentenza għal ħajjitkom, speċjalment b’rabta mal-Milied ta’ din is-sena.
Ħa nsemmi tliet affarijiet f’dil-kelma ta’ Ġesù, li torbot ma’ dak li smajna fil-Kelma ta’ Alla llum u ma’ dak li qed niċċelebraw fil-ġurnata tal-Milied.
Jimla lil qalbna bl-imħabba tiegħu
“Alla hekk ħabb lid-dinja”. Il-festa tal-lum hi l-festa tal-akbar imħabba: Alla li jsir bniedem għalina għax iħobbna. Santu Wistin jgħid, biex ifakkarna: “Għalik, Alla sar bniedem”. Għalik, kull wieħed u waħda minnkom u minna. Tispjega dan l-imħabba kbira ta’ Alla lejna lkoll, lejn kull wieħed u waħda minna. Alla hekk ħabb lid-dinja li sar wieħed minna, tarbija f’maxtura. Kif smajna wkoll fil-qari, “ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx”, ġie bl-iktar mod umli, bl-iktar mod dgħajjef u bl-iktar mod dipendenti, u ġie biex lilna jsalvana. Alla hekk ħabbna li ġie biex isalvana.
Din għandha timla lil qalbna – kull wieħed u waħda minna – bil-ferħ u bil-paċi, għax nafu li Alla jħobbna. Alla ħabbna qabel ħabbejnieh aħna. Meta jħobbna, jekk inħalluh, jimlielna ħajjitna bl-imħabba tiegħu.
Isalvana
Dil-festa tfakkarna wkoll, flimkien mal-imħabba kbira ta’ Alla, li hu ġie fostna biex isalvana. Kull wieħed u waħda minna għandna bżonn lil Alla li jsalvana. X’jiġifieri ‘jsalvana’? Tfisser li jaħfrilna dnubietna, jeħlisna minn dak li hu ta’ tfixkil fil-ħajja tagħna. Lil kull wieħed u waħda minna hawnhekk Alla joffri din is-salvazzjoni. Minna jiddependi jekk naċċettawhiex. Alla jrid li lilna, kull wieħed u waħda minna, jaħfrilna, inaddafna minn ħtijietna, jeħlisna minn dak li hu ta’ tfixkil fil-ħajja tagħna, ħalli nistgħu ngħixu tassew fl-imħabba tiegħu. Kemm hi grazzja kbira din, li nafu li Alla lilna joffrilna s-salvazzjoni, jixtieq isalvana!
Alla jixtieq jagħtikom din il-ħajja ġdida. Ġie fostna biex ma nibqgħux marbutin ma’ ta’ qabel, mal-passat, imma nibdew din il-ħajja ġdida
Għalhekk, illum b’mod speċjali meta niċċelebraw il-ġrajja tal-Milied, niftakaru li Alla għax iħobbna jrid isalvana. Lilu tajjeb li nippreżentawlu dak kollu li f’ħajjitna jtaqqalna. Jista’ jkun il-passat tagħna, jista’ jkun dak li għadu f’qalbna li qed ifixkilna. Alla jrid jeħlisna minn dan. Forsi tistaqsu: x’jiġifieri “jeħlisna”, għax aħna jkollna nibqgħu hawn ġew bilfors! Imma l-ħelsien li jagħti Alla hu l-ħelsien minn ġewwa, li tant hu importanti, il-ħelsien fil-qalb li lilna jgħinna ngħixu ħielsa u fil-paċi tiegħu.
Tajjeb li nagħmlulu din it-talba fil-festa tal-Milied: biex hu jeħlisna, u aħna jkollna l-esperjenza ta’ Alla li jsalvana.
Jagħtina ħajja ġdida
Alla lilna jagħtina ħajja ġdida. Meta kien qed ikellem lil Nikodemu, u qal: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem”, Ġesù kompla: “Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu”. Alla ma ġiex biex jikkundanna, imma biex jagħti ħajja ġdida.
Dan hu li nixtieq li kull wieħed u waħda minnkom iżżommuh f’qalbkom: li Alla jixtieq jagħtikom din il-ħajja ġdida. Ġie fostna biex ma nibqgħux marbutin ma’ ta’ qabel, mal-passat, imma nibdew din il-ħajja ġdida. Ġie fostna biex jagħtina l-possibbiltà ta’ ħajja ġdida, ta’ bidu ġdid. Għalhekk, li jkollna din it-tama, u nimtlew bil-kuraġġ li jagħtina Alla.
F’dil-ġurnata tal-Milied, nixtieq li kull wieħed u waħda minna nimtlew b’dan il-kuraġġ li jagħtina Alla; li nagħrfu li ħajjitna għandha valur, li hu jagħtina l-possibbiltà tal-ħelsien biex nibdew ħajja ġdida, biex nistgħu nagħżlu, bl-għajnuna tiegħu, dak li hu tajjeb, dak li hu xieraq, dak li jogħġob lil Alla, dak li jagħmel ġid lill-oħrajn. Jgħinna mbagħad biex l-imħabba tiegħu nkunu nistgħu naqsmuha mal-oħrajn. Din hi l-ħajja ġdida li jagħtina Alla permezz tat-twelid tiegħu. Għalhekk ġie fostna, għalhekk nerġgħu nfakkru t-twelid tiegħu, u għalhekk nixtieq li nagħmlu din it-talba lkoll illum.
Nixtieq nitlob għalikom ilkoll, u għalina lkoll għax ilkoll għandna bżonn il-ħelsien li jagħtina Alla, din il-ħajja ġdida u l-imħabba li jitfa’ f’qalbna. Nitolbuh li aħna nagħrfu dejjem lilu, l-imħabba kbira li wasslitu għandna, l-imħabba li jixtieq jagħtina, u din il-possibbiltà ta’ ħajja ġdida. Nitolbuh biex dejjem nagħmlu kuraġġ, qatt ma naqtgħu qalbna, niftakru li hu ġie proprju għal dawk kollha li għandhom bżonnu, jiġifieri għalina lkoll midinbin, imma nitolbuh ukoll il-grazzja li jagħtina l-possibbiltà ta’ ħajja ġdida.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju