L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju li għadna kemm qrajna huwa introduzjoni għall-Evanġelju skont San Ġwann. L-istudjużi jgħidulna li x’aktarx kien innu li kienet tkanta l-komunità Nisranija tal-bidu u li permezz tiegħu kienet tipprova tispjega dak li qegħdin niċċelebraw illum: dan il-misteru kbir li Alla li ma jidhirx, li Alla li huwa spirtu, dawl, ħajja, u verità u li aħna nkunu nistgħu narawh, immissuh u nħarsu lejh għaliex l-lben ta’ Alla “sar bniedem u għammar fostna u rajna l-glorja tiegħu” (Ġw 1:14).

Din li s-sensi tagħna jistgħu jaraw lil Alla magħmul bniedem hija xi ħaġa li hemm bżonn nieqfu u nixtarruha fil-profond. Il-Milied jiġi biex ikollna ċans naduraw dan il-misteru kbir ta’ mħabba, dan il-misteru kbir ta’ Alla li ma jistmerrx iżda jsir wieħed minna għaliex ħalaqna xbieha tiegħu. Mhux biss ħalaqna xbieha tiegħu imma hu ddeċieda li Ibnu “fil-milja taż-żminijiet” (Gal 4:4), bħala bniedem, ikollu wkoll ħolqien fuq is-sura tagħna. Kemm hi ħaġa tremenda din! Fil-pjan tal-imħabba tiegħu Alla ħalaq lili u lilek fuq ix-xbieha tiegħu.

Xi tfisser din? Wara kollox, Alla min hu? Xi tfisser li jiena maħluq xbieha ta’ Alla? L-istess Ġwanni li jwasslilna dan l-innu sabiħ, jgħidilna li “Alla huwa mħabba” mela l-marka fil-profond tal-ġewwieni tal-jien tiegħi, il-marka hija dik tal-imħabba. Jiena maħluq fuq ix-xbieha tal-imħabba. L-Iben tal-imħabba, għax kull fejn hemm Alla jrid ipoġġi l-imħabba u forsi dan il-kliem li smajna llum jagħmel iżjed sens. L-Iben tal-Imħabba jsir bniedem biex ix-xbieha tiegħu u x-xbieha tal-imħabba fija, mhux biss jagħtiha lustratura imma jreġġagħha għas-sbuħija tagħha.

F’din il-festa tal-Milied jiena msejjaħ li fil-ġisem, fil-kelma u fil-ħarsa tiegħi ta’ dak li Ġesù ħa miegħu u ħa fih fil-Milied, jiena nsir imħabba. Imma l-kelma tiegħi hija ta’ mħabba? Il-ħarsa tiegħi hija ta’ mħabba? Dak kollu li nagħmel, dak kollu li ngħix, huwa mħabba? Dan hu l-misteru kbir li qegħdin niċċelebraw illum.

Issa din għażla libera, b’realiżmu kbir. Dawn l-ewwel versi tal-Evanġelju ta’ San Ġwann jgħidu: “Ġie f’daru u d-dinja ma għarfitux. Niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:10-11). Kellhom għażla. Kien hemm min iddeċieda li no thank you u full up, m’għandniex spazju għalik. Imma ’l dawk li laqgħuh — u din hi għażla libera — tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, li jerġgħu jiġġeddu fil-ħolqien tagħhom. Ħarġu mill-imħabba biex ikunu mħabba.

Li nkunu wlied Alla mhix kwistjoni “mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem” (Ġw 1:13). L-ebda imperatur ma jiddikjarak iben Alla. Kienu jsejħu lilhom infushom hekk l-imperaturi, bir-rieda tal-bniedem. Imma din ġejja direttament minn Alla. Ibnu sar bniedem biex aħna nkunu ħutu u lil Alla nkunu nistgħu ngħidulu ‘missierna’ mhux biss fil-misteru tal-ħolqien, għax hu missierna fil-misteru tal-ħolqien aħna min aħna, imma wkoll fil-misteru tal-fidwa. Dik il-miġja li lilna terġa’ terfagħna, tagħtina r-ruħ, taħjijna ngħidu bil-Malti.

“Rajna l-glorja tiegħu” (Ġw 1:14) u aħna nistgħu ngħidu li fih sibna l-ħniena, il-grazzja u l-imħabba kollha. “Mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna grazzja fuq grazzja” (Ġw 1:16), din il-kelma għażiża ‘grazzja’, l-imħabba li ma tfittex xejn għalija nnifisha, l-imħabba li m’għandhiex prezz għaliex hija wisq prezzjuża. Il-Mulej tassew ħa grazzja magħna u llum qed jistedinna biex nieħdu grazzja miegħu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 52:7-10
Salm: 97(98):1,2-3ab,3ċd-4,5-6
Qari II: Lhud 1:1-6
Evanġelju: Ġw 1:1-18