L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Agħmel hekk u tgħix” (Lq 10:28). Kemm hi sabiħa din il-kelma li Ġesù jgħid lil dan l-Imgħallem tal-Liġi, li meta Ġesù staqsieh x’hemm miktub fil-Liġi (u l-Liġi kienet serje ta’ mijiet ta’ liġijiet, mhux liġi waħda) jagħżel l-aqwa ħaġa: il-kmandament tal-imħabba. “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?[…] ‘Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha[…] u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek’” (Lq 10:26-27).  Dan l-imgħallem tal-Liġi kien tassew bniedem għaqli. Għaraf li l-qalb tal-liġi hi l-imħabba. Imma ried ikun jaf Ġesù x’jifhem meta l-Liġi tgħid ħobb “lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek” (Lq 10:27).

“Il-proxxmu tiegħi min hu?” (Lq 10:29) U Ġesù lil dan l-għaref tal-Liġi jirrakkontalu din il-parabbola, aħna nafuha bħala l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb. Lil dan ir-raġel li nieżel minn Ġeriko jaqa’ f’idejn il-ħallelin, li “neżżgħuh, biċċruh bis-swat […]u ħallewh nofsu mejjet” (Lq 10:30), jiltaqgħu miegħu tliet persuni: qassis, levita (li kien dak li jgħin lis-saċerdot) – mela żewġ persuni ddedikati għall-qima lil Alla – u kien hemm wieħed, li l-Lhud kienu jiddisprezzaw, li kien ’il bogħod mill-komunità, Samaritan. Dawn it-tliet persuni raw lil dan ir-raġel. Il-ħallelin ħallewh nofsu mejjet f’tarf it-triq.

L-ewwel tnejn, Ġesù jgħid rawh, għaddew minn mal-ġenb, u baqgħu sejrin. Ħuti b’umiltà kbira ejjew neżaminaw lilna nfusna u nistaqsu lilna nfusna kemm-il darba jien rajt xi ħadd fil-bżonn – rajtu jew rajtha – u bqajt għaddej. Is-Samaritan ma jagħmilx hekk. Ġesù juża dawn il-verbi meta jiddeskrivi x’ għamel is-Samaritan: “wasal ħdejh, rah u tħassru” (Lq 10:33)

“Resaq lejh” (Lq 10:34) mela wasal, rah u tħassru. “Resaq lejh” (Lq 10:34)  Iddeċieda mhux jitbiegħed minnu, imma lejn dan ir-raġel li kellu bżonn l-għajnuna, nofsu mejjet fit-tarf tat-triq “dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu” (Lq 10:34). Hekk għandna nagħmlu ma’ xulxin. Ġesù lil għaref tal-Liġi jgħidlu: “Mur […] u agħmel hekk int ukoll”(Lq 10:37). Għax l-għaref tal-Liġi, ta’ għaref li kien, meta Ġesù jistaqsih: “Minn dawn it-tlieta” (Lq 10:36) – dawn it-tliet persuni – “int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?” (Lq 10:36). Ir-risposta tal-għaref tal-liġi hija risposta profonda: “Min ħenn għalih” (Lq 10:37) Ġesù jgħidlu: “Mur, […] u agħmel hekk int ukoll”(Lq 10:37).

Mela din il-parabbola hi għal kull wieħed u waħda minna. Il-Mulej jifhem li jekk irridu ngħixu tassew – kemm hi sabiħa din il-kelma – “agħmel hekk u tgħix” (Lq 10:28); “agħmel hekk u tgħix” minn issa. Ġesù qed jitkellem ukoll fuq il-ħajja ta’ dejjem. Imma l-ħajja ta’ dejjem tibda minn issa, bħalma minn issa nistgħu nagħżlu li nkunu fl-infern. Aħna nagħżlu! Dak li nagħmlu u dak li ma nagħmluhx. “Agħmel hekk u tgħix” (Lq 10:28). Agħmel hekk int ukoll. Ħenn.

Ifhem li l-imħabba hi t-togħma vera tal-ħajja. Li meta nħarsu lejn xulxin, mhux nitbiegħdu mit-toqol ta’ dak li jkun jew ngħidu: “u mhux aħjar jieħu ħsieb tiegħu nnifsu ħalli ma jibqax toqol għalih innifsu u għalina.” Kultant, minħabba l-għejja, il-frustrazzjoni, toħroġ din l-għajta minn fommna. Imma aħna lkoll nafu li l-istint qawwi tagħna huwa li nħennu. Li biex ingawdu ħajjitna tassew irridu dak li jkun narawh, nitħassruh, nersqu lejh. Kemm jista’ jkun u kemm nistgħu ndewwulu l-ġrieħi tiegħu, norbtuhomlu, imbagħad nieħdu ħsiebu.

Ġesù, b’mod l-iżjed fin jgħid ukoll, li dan is-Samaritan, lil tal-lukanda jgħidlu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi” (Lq 10:35). L-għorrief tal-Knisja, dawn l-aħħar elfejn sena, huma u jirriflettu u jitolbu fuq din il-frażi ta’ Ġesù, jirrealizzaw li Ġesù meta jitkellem fuq is-Samaritan t-Tajjeb, qed jitkellem fuqu nnifsu. Hu li rana mgħakksa  bid-dnub, u bil-mibgħeda lejn xulxin, u ma abbandunanix, resaq lejna, dewwa l-ġrieħi tagħna. Afdana f’idejn il-Knisja. U meta jerġa’ jiġi lura jroddilna dak kollu li nkunu għamilna ma’ xulxin. “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi” (Lq 10:35). Kemm tkun sabiħa li meta jerġa’ jgħaddi Ġesù fil-misteru tal-mewt u tal-ġudizzju, jgħidilna: “Grazzi!” U ngħidulu: ‘ta’ xiex?’ “Ta’ kemm ħadt ħsieb il-proxxmu tiegħek. Ta’ kemm inti, meta rajt lil ħutek fil-bżonn ma tlaqtx ’l hemm, ersaqt, ħarist, ħennejt, dewwejt il-ġrieħi, ħadt ħsiebhom. Meta nerġa’ niġi, inroddlok jien.”

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Dewt 30:10-14
Salm: 68 (69):14 u 17,30-31,33-34,36ab u 37
Qari II: Kol 1:15-20
L-Evanġelju: Lq 10:25-37

Aktar ritratti