L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Meta niċċelebraw is-solennità ta’ Kristu Sultan, x’qed nifhmu bi ‘Kristu Sultan’?
Nistedinkom tħarsu lejn l-artal u nippruvaw naraw liema hi l-aħjar rappreżentazzjoni ta’ Kristu Sultan. Żgur li għajnejna jmorru mill-ewwel fuq dik il-kuruna li hemm taħt l-artal, li mhux soltu tkun hemm, u qiegħda hemm proprju għall-festa tal-lum. Din tfakkarna fl-idea tagħna ta’ sultan. Forsi ngħidu: dik hi li tfakkarna li Kristu hu sultan.
Imma mbagħad, jekk inħarsu aktar ’il fuq lejn Kristu msallab, u nirriflettu ftit, nindunaw li l-aħjar rappreżentazzjoni ta’ Kristu Sultan hu proprju Kristu msallab. Għalhekk tajjeb li hemm dik il-kuruna biex naraw id-differenza bejn dak li kultant naħsbu aħna, u dak li jurina Alla stess.
Saltna differenti
Fl-Evanġelju tal-lum għandna d-diskursata ma’ Pilatu ftit qabel Ġesù spiċċa fuq is-salib, meta staqsieh darbtejn: mela int sultan? U Ġesù jwieġeb: “jien sultan”. Imma jispjega: “is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja”. Għaliex jgħid hekk lil Pilatu? Ma qallux hekk għax kien qed jgħid li s-saltna tiegħu hi ta’ dinja oħra differenti minn did-dinja, imma biex jgħidlu li s-saltna tiegħu mhix il-mod li jifhimha Pilatu.
Għal Pilatu, il-ħsieb tiegħu ta’ sultan kien ta’ xi ħadd li għandu l-forza, li għandu l-qawwa, li jġiegħel in-nies, li n-nies iservuh, li jimxu bil-prinċipju kif ngħidu bl-Ingliż ‘Might is right’: la għandi l-poter nużah, u nużah kif jidhirli, għax bih nista’ nikseb dak li rrid. L-idea ta’ Pilatu ta’ sultan kienet din. Għalhekk Ġesù jgħidlu: “is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja”, jiġifieri mhux il-mod kif taħseb int li hu sultan, imma l-mod kif wera Ġesù f’ħajtu u speċjalment fuq is-salib.
Fuq is-salib
Għalhekk dal-kliem tiegħu nifhmuh l-aktar meta narawh imsallab fuq is-salib, għax hemmhekk Ġesù juri li l-qawwa tas-saltna tiegħu mhijiex il-forza li tuża biex iġġiegħel lin-nies jagħmlu dak li trid; hemmhekk, fuq is-salib, ma jista’ jġiegħel lil ħadd. Il-qawwa mhix li int tasal fejn trid, anke bl-aktar mezzi ħżiena, basta wasalt. Il-qawwa mhix li jservuk imma li int tagħti lilek innifsek, bħalma għamel Ġesù, għax il-qawwa tas-saltna tiegħu hi l-imħabba u l-imħabba totali. Dik hi s-saltna ta’ Ġesù, u għalhekk hi saltna f’din id-dinja imma mhix kif ħafna drabi nifhmu aħna b’saltna.
Il-qawwa mhix li jservuk imma li int tagħti lilek innifsek, bħalma għamel Ġesù, għax il-qawwa tas-saltna tiegħu hi l-imħabba u l-imħabba totali
Ġesù, meta qam rebbieħ mill-mewt, wera kif dik hi t-triq it-tajba, dik hi l-verità. U dak kollu li għallem hu – li għandna nkunu dawk li mmexxu ’l quddiem is-saltna tal-imħabba, tal-paċi, tal-ġustizzja, tal-maħfra – wera kemm hu veru meta qam mill-mewt u rebaħ il-mewt.
Fejn qegħdin dawn il-valuri tas-saltna
Meta niċċelebraw il-festa ta’ Kristu Sultan illum, lilna jsejħilna biex inkunu dawk li mmexxu ’l quddiem is-saltna tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum. Meta nisimgħu ftit ieħor fit-talba l-kliem “saltna ta’ verità u ħajja, saltna ta’ qdusija u grazzja, saltna ta’ ġustizzja, imħabba u sliem”, ġieli nħarsu madwarna u ngħidu “fejn qegħdin dawn?” L-istedina li jagħmlilna Ġesù hi: ibda għixhom int fil-ħajja tiegħek, u meta tgħixhom, tinduna fejn qegħdin u tista’ tagħrafhom ukoll fil-ħajja ta’ tant nies li jgħixu din is-saltna ta’ Alla fis-skiet u fil-kwiet ta’ ħajjithom. Lilna jsejħilna biex inkunu dawk li ngħixu din is-saltna tiegħu u mmexxu ’l quddiem din is-saltna tiegħu. Meta nitolbu t-talba tal-Missierna “Tiġi saltnatek”, qed ngħidu li dan li għallimna Ġesù rridu ngħixuh u nwassluh lill-oħrajn, u hekk tassew tiġi s-saltna tiegħu.
Sejħa lilna
Mhijiex se tiġi bil-mod li kultant nimmaġinaw aħna – bil-forza, bil-qawwa, għax kulħadd jemmen, għax kulħadd jaċċetta lil Ġesù. Mhix hekk. Qatt ma kienet hekk u qatt mhi se tkun hekk. Lilna jsejħilna biex inkunu dawk li mmexxu ’l quddiem is-saltna tiegħu, billi ngħixu dawk il-valuri tas-saltna li fl-aħħar mill-aħħar jgħinuna biex ngħixu aħjar il-ħajja ta’ issa, nagħmlu aħjar il-ħajja ta’ dawk li magħhom niltaqgħu, u li twassalna tassew għall-ħajja ta’ dejjem, għall-mument meta niltaqgħu ma’ Kristu, Sultan tal-ħolqien kollu, li hu l-għan tal-ħajja tagħna.
Nitolbu llum li nkunu dawk li ngħixu l-valuri tas-saltna, li nagħrfu li hemm hi l-verità, bħalma qal Ġesu: “kull min iħobb il-verità jisma leħni”. Nitolbuh ukoll biex fis-saltna tiegħu jgħinna ħalli naqsmu l-ħajja tagħna mal-oħrajn, u tkun din li tagħmlilna l-ħajja isbaħ hawn, u tħejjina għall-ħajja ta’ dejjem miegħu fis-sema.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju