L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Forsi jidher ovvju l-kliem li jgħid Ġesù u li jenfasizza b’mod speċjali fl-Evanġelju tal-lum. Fil-bidu u fl-aħħar jgħid l-istess ħaġa għal darbtejn. Fil-bidu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.” U fl-aħħar jgħid: “Min għandu l-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni.”

Forsi ngħidu: mhux ovvju dan? Mhux ovvju li jekk inti tħobb lil Ġesù tfittex li tħares il-kmandamenti tiegħu u l-kelma tiegħu, kif jgħid anke aktar ’il quddiem fl-istess diskors?

L-esperjenza tal-ħajja turina li mhux ovvju. Fi żmien Ġesù stess, kien hemm min jammirah, jisimgħu, forsi wkoll il-kelma tiegħu ssammru u tħallih jaħseb, imma mbagħad jgħid: dan mhux għalija. Kliem sabiħ imma mhux għalija! U anke aħna fi żmienna, jista’ jkun li nirraġunaw li l-kelma tiegħu hi sabiħa, idejali, imma kultant mhux prattika; u ngħidu: jien irrid inkun prattiku, nagħmel li jidhirli.

Għalhekk, li jgħid Ġesù hu tant importanti għalina llum. Qed jgħidilna li jekk aħna nħobbuh, inħarsu l-kmandamenti u l-kelma tiegħu. L-imħabba mhijiex biss xi ħaġa li nħossu fil-qalb jew xi ħaġa li ngħidu bil-fomm, imma għandna nuruha bil-fatti.

Ġesù qed jgħid: jekk hu jgħallimna li lil Alla għandna nfaħħruh bi kliemna, u jien nirraġuna: lil Alla nħobbu, veru, imma kultant noffendih għax taqbiżli; xorta nħobbu! Ġesù jgħidilna: jekk tħobbu, tkasbarx ismu.

Jekk nisma’ lil Ġesù jgħidilna li kull bniedem xbieha ta’ Alla, u jien ngħid: lil Alla nħobbu imma meta nara xi ħadd ta’ kulur tal-ġilda differenti minn tiegħi, ma nistax għalih; lanqas inħares lejh! Ġesù jgħidli: jekk tħobbni, ħares il-kelma tiegħi fejn għedtlek lil kull bniedem hu xbieha ta’ Alla.

Jekk Ġesù jgħidli: kun onest fix-xogħol, imma jien ngħid: kliem sabiħ, imma fejn hemm bżonn trid tirranġa, tqabbel fejn jaqbel, nagħmel dak li jidhirli jiena. Ġesù jgħidli: jekk tħobbni, ħares il-kelma tiegħi u kun onest.

Jekk Ġesù jgħidli fuq il-fedeltà, fuq ir-rispett lejn il-ħajja ta’ kull bniedem sa mill-ewwel mument tagħha, fuq l-impenn lejn min hu batut, lejn min b’xi mod jew ieħor għaddej mit-tbatija, fuq li nfittex li naħdem għall-ġustizzja u l-paċi – dan kollu, u ħafna aktar, għallimna Ġesù, u jgħidilna: jekk tħobbuni, ħarsu din il-kelma tiegħi. Hawn hu l-kejl veru tal-imħabba, li ma tkunx biss xi ħaġa li nħossu f’qalbna jew ngħiduha bi kliemna, imma nuruha tassew bl-għażliet tal-ħajja tagħna u bil-fatti.  

Nafu li din mhix ħaġa faċli, u li għaliha neħtieġu ħafna l-għajnuna ta’ Ġesù. Qalilna hu: Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Għalhekk tana l-Ispirtu tiegħu, l-Ispirtu tal-verità, li jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. U jgħinna wkoll biex meta niżbaljaw, bħalma nagħmlu lkoll għax midinbin, nitolbu l-maħfra ta’ Alla li jippurifikana u jmexxina ’l quddiem. Imma altru aħna niżbaljaw u nitolbu maħfra għall-ħażin li nkunu għamilna; u altru nissetiljaw għal tip ta’ ħajja fejn niġġustifikaw lilna nfusna fil-ħażen tagħna. Għal din qed jgħid Ġesù, li ma nkunux tassew inħobbuh jekk nissetiljaw għal tip ta’ ħajja bħal din.

Aħna nistgħu nkunu sinjal ta’ tama, u hekk imsejħin li nkunu fejn ngħixu, fejn naħdmu.

Aħna nafu li dan li qed jitlob Ġesù kultant ifisser sagrifiċċju u tbatija bħalma kellhom l-ewwel Insara. Jekk immorru fit-tieni qari, fl-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, qed ikellem lill-Insara li kienu ppersegwitati dak iż-żmien, u jgħidilhom xi ħaġa tant importanti: “Jekk din tkun ir-rieda ta’ Alla, aħjar tbati għax tkun għamilt it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin”. Ara xi prinċipju importanti għalina wkoll f’ħajjitna meta kultant nirraġunaw, jew ngħiduha f’qalbna: dan sew issa, għax tagħmel it-tajjeb, issib il-kuntrarju, taqlagħha fuq wiċċek! U San Pietru jfakkar lill-ewwel Insara u lilna wkoll: Aħjar tbati għax tagħmel it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin.

Hu b’dal-mod li aħna nistgħu nkunu, dejjem bl-għajnuna ta’ Alla u tal-Ispirtu tiegħu, sinjal ta’ tama. San Pietru jgħid ukoll: “Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil min jitlobkom l-għala tat-tama li għandkom”. Aħna nistgħu nkunu sinjal ta’ tama, u hekk imsejħin li nkunu fejn ngħixu, fejn naħdmu. Nixtieq inġib eżempju ta’ dan. Ħarsu lejn dan iż-żmien li qed ngħixu fih. Kultant ngħidu: il-mentalità ta’ ħafna nies hi “l-ewwel jien”, infittex lili nnifsi, dak li jaqbilli, l-aqwa li niggwadanja jien. F’dan il-kuntest, ara kemm hu sabiħ l-eżempju, kemm hi sabiħa x-xhieda, ta’ dawk in-nies, fosthom numru ta’ żgħażagħ, impenjati fil-volontarjat, li daż-żmien qegħdin ġenerożità jiddedikaw il-ħin tagħhom biex iqassmu l-ikel lill-familji bil-bżonn. Dawn huma sinjal ta’ tama – din it-tama qalb ambjent li kultant ikun differenti. Għal dan isejħilna Ġesù meta jgħidilna biex inħarsu l-kmandamenti tiegħu: biex aħna wkoll inkunu sinjal ta’ tama fis-soċjetà llum.

Nitolbu lil Alla, ispirati mill-kelma tiegħu, biex inħobbuh b’qalbna kollha; biex nuru din l-imħabba bil-fatti, b’dak li nagħmlu f’ħajjitna; u permezz ta’ dan jagħtina l-grazzja u l-qawwa li nkunu sinjal ta’ tama, u li nnisslu t-tama fis-soċjetà llum.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju