L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ħa nħarsu ftit lejn il-vara titulari sabiħa ta’ San Ġużepp Ħaddiem ta’ din il-parroċċa, disinn ta’ Emvin Cremona. Naraw lil Ġużeppi ma’ Ġesu, b’id waħda jżomm tavla u b’id oħra fuq l-ispalla ta’ Ġesu. Fil-festa li qed niċċelebraw illum, din ix-xbieha li tgħaqqad flimkien ix-xogħol u l-familja ta’ Nażaret diġa tagħtina messaġġ sabiħ għall-Ġublew tal-Ħaddiema.

Il-ħidma ta’ kuljum

Ġużepp b’idu żżomm it-tavla jurina l-mastrudaxxa li jaqla’ l-għajxien bix-xogħol ta’ jdejh. Ix-xogħol kien għalih mezz biex jgħajjex il-familja, imma kien ukoll mezz kif jiżviluppa lilu nnifsu, iħaddem il-kapaċitajiet u t-talenti tiegħu, u jagħmel dan prinċipalment b’servizz lejn l-oħrajn.

Ġużeppi għaraf li x-xogħol huwa iktar minn mezz biex ngħixu; huwa sehem fil-ħolqien ta’ Alla. Rajna fil-ktieb tal-Ġenesi li juża l-kelma ‘xogħol’ proprju għall-ħidma ta’ Alla hu u joħloq. Mill-bidu nett, Alla qal lill-bniedem biex jaħdem u jieħu ħsieb l-art (Ġenesi 2:15).  Ix-xogħol jagħmilna wkoll sieħba ma’ Alla li joħloq.

Ġużeppi jgħallimna li l-qdusija mhix ristretta għall-postijiet fejn ninġabru biex inqimu lil Alla – kif għandna nagħmlu – imma wkoll qiegħda fil-workshop, fil-fabbrika, fl-uffiċċju, fl-għalqa, fil-kċina. Jurina li kull post tax-xogħol jista’ jsir spazju sagru meta l-ħidma ssir bl-imħabba, kif smajna lil San Pawl ifisser fl-Ittra tiegħu lill-Kolossin, u b’onestà. L-għaraq ta’ ġbinna mhuwiex mitluf – huwa mbierek, għax jiġi mogħti bl-imħabba.

Meta nħarsu lejn Ġużeppi, hu jfakkarna li x-xogħol mhuwiex kastig imma sejħa. Ma għandux ikun kastig, imma għandu jkun il-mezz kif naħdmu flimkien ma’ Alla biex nibnu dinja aħjar. Kull forma ta’ ħidma għandha tissarraf f’ġid għas-soċjetà.

Xogħol u familja

L-istatwa turina lil Ġużeppi b’idu fuq l-ispalla ta’ Ġesu, u wkoll lil Ġesu bil-martell. Ġużeppi għaraf jgħaqqad ix-xogħol tiegħu mar-responsabbiltajiet tiegħu fil-familja ta’ Nażaret. Fil-ħanut ta’ Ġużeppi, Ġesu tgħallem is-sengħa tal-injam hu wkoll. Imma fl-istess waqt tgħallem ukoll il-valuri tas-servizz, tar-responsabbiltà u tal-perseveranza.

Meta kien meħtieġ, Ġużeppi fittex li jipproteġi lill-familja, ukoll meta kellu jħalli l-ħanut tax-xogħol biex jaħrab bħala refuġjat lejn l-Eġittu minħabba s-sitwazzjoni politika taż-żmien. Għalih il-ġid tal-familja kien ta’ prijorità, u li jsalva l-ħajja ta’ dawk li jgħixu miegħu tiġi l-ewwel. Fil-fatt, nixtieqkom tinnutaw kif għal Ġużeppi dejjem hemm l-ewwel il-protezzjoni tal-ħajja ta’ Ġesu u Marija.

Id-Dinjità tax-Xogħol

Ġużeppi jfakkarna li kull xogħol onest għandu l-valur u d-dinjità tiegħu, jekk hux fuq sit tal-kostruzzjoni, fi sptar, fl-għelieqi, fi skola, fl-uffiċċju jew id-dar. Din id-dinjità hi ġejja mill-fatt li dak li jagħmlu hu l-bniedem maħluq skont ix-xbieha ta’ Alla. Għalhekk kemm jekk huma Maltin, kemm jekk huma mill-Indja, jew minn Nepal, jew mill-Filippini, huma minn fejn huma l-ħaddiema għandu jkollhom id-drittijiet tagħhom fundamentali rispettati. Fi żmienna għandna nitkellmu fuq kif insaħħu dawk id-drittijiet u naraw li jkunu rispettati, mhux fuq kif innaqqsuhom.

Ġużeppi jfakkarna li kull ħaddiem u ħaddiema għandu jkollhom dritt għal paga ġusta, ambjent tax-xogħol sigur, dritt li jissieħbu fi trejdunjon u jagħmlu dan volontarjament mhux għax imġegħlin, il-ħin għall-mistrieħ u rikonoxximent tad-dinjità bħala persuna.

Konverżjoni tal-qalb

Il-Papa Franġisku jsejħilna biex nisimgħu l-għajta jew il-karba siekta tal-ħaddiema, speċjalment ta’ dawk li qegħdin ibatu l-inġustizzji. Għalhekk il-Ġublew m’huwiex biss ċelebrazzjoni, imma huwa wkoll sejħa għall-konverżjoni tal-qlub u tas-sistemi.

Irridu nistaqsu fis-soċjetà tagħna llum: kemm qed inqiegħdu l-ewwel il-ġid tal-persuna umana, hi min hi? Kemm qed nassiguraw bil-fatti li l-postijiet tax-xogħol ikunu siguri, mingħajr periklu għall-ħaddiema, u li l-ħaddiema jkollhom u jużaw il-miżuri protettivi meħtieġa? Kemm qed nistmaw lil dawk li ġejjin minn pajjiżi oħra u li llum kontinwament narawhom fit-trasport pubbliku, fl-isptarijiet, fid-djar tal-anzjani, fir-restaurants, fil-ġbir tal-iskart u f’tant ħidmiet oħra? Ġużeppi jfakkarna li dawn huma bnedmin bħali u bħalek, u rridu naraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tagħhom verament jirrispettaw dan. Kull sistema ta’ xogħol prekarju li tbaxxi lill-ħaddiema, li tisfruttahom, hi sistema mnawra.

Fil-qasam tax-xogħol, nafu kemm irridu naħdmu kontra l-mentalità li l-flus jiġu l-ewwel. Il-kilba għall-flus toħloq sistema ekonomika li tjassar lill-bniedem, li jsir biss għodda biex ħaddieħor jistagħna. Twassal ukoll għall-każijiet koroh ta’ korruzzjoni, frodi, ħasil tal-flus. Il-Ġublew tal-Ħaddiema jsejħilna biex ilkoll naħdmu għal viżjoni differenti – għal ekonomija ta’ solidarjetà, mhux ta’ esklużjoni jew ta’ jasar.

Impenn għall-ġustizzja

Illum, fil-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, nirringrazzjaw lil Alla mhux biss għad-don tax-xogħol, imma speċjalment għall-ħaddiema. Niċċelebraw lill-ħaddiema, li bl-isforz tagħhom ta’ kuljum ssostnu l-familji, jibnu l-komunitajiet u jfasslu l-futur tas-soċjetà tagħna.

Nuru apprezzament lejn dawk kollha li tul is-snin ħadmu u llum qed jaħdmu għall-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema. Insemmi hawnhekk iż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, preżenti għal din il-quddiesa, li qed jiċċelebraw il-mitt sena mit-twaqqif tagħhom mill-Kardinal Cardijn, u t-tmenin sena ta’ preżenza f’Malta. Ninkoraġġikom biex tkomplu tagħtu kontribut siewi ħafna b’impenn u b’servizz għall-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema.

Induru lejn San Ġużepp Ħaddiem u nafdaw f’idejh ix-xogħol tagħna, u speċjalment il-ħaddiema biex ikollhom xogħol li jħares id-dinjità tagħhom u jgħinhom jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom u jgħajxu l-familji tagħhom.

Nitolbuh biex dan il-Ġublew tal-ħaddiema jġedded fina l-impenn għall-ġustizzja, għal responsabbiltà, u għall-ħidma tagħna għall-ġid komuni biex noffru tama lis-soċjetà Maltija llum.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti