• Il-Ġimgħa 24 ta’ Marzu 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa pellegrinaġġ bl‑istatwa devota ta’ Ġesù Redentur, u ċċelebra Quddiesa fil‑Bażilika Marija Bambina, l‑Isla.

    Click here to view all the photos of the Celebration of Mass and the Penitential Pilgrimage.

  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Bażilika tal-Parroċċa Marija Bambina, l-Isla
    24 ta’ Marzu 2017

    Wieħed mill-kittieba jistaqsi lil Ġesù: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?” (Mk 12, 28). Il-Lhud ta’ żmien Ġesù kellhom ħafna liġijiet u kmandamenti u kien hemm kwistjoni importanti bejniethom liema hu l-kmandament li jagħti l-pedament li l-oħrajn kollha.

    Mela l-ewwel wieħed mhux għax għandu n-number one, imma għaliex huwa l-qofol u li minnu joħorġu l-oħrajn kollha. Ġesù fir-risposta tiegħu jikkwota l-Iskrittura stess u l-kmandament li għażel jgħid li huwa l-ewwel u t-tieni:  “l-ewwel wieħed huwa: Inti għandek tħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, bil-qawwa tiegħek kollha u t-tieni” jgħid, “hu dan: ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (vv. 29-31). Ma jgħidx “hemm kmandamenti oħrajn imma dawn l-iżjed importanti”, jgħid: “ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn” (v. 32). Jgħaqqadhom flimkien.

    X’inhi l-ħaġa li tgħaqqadhom? Hija l-kelma ‘ħobb’. “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek, ħobb lil għajrek, ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Dak huwa l-kejl. Dak li inti tixtieq li ħaddieħor jagħmel miegħek: iħenn għalik, jaħfirlek, jgħinek, ifarrġek, ma jabbandunakx, jirrispetta l-propjetà tiegħek, id-dinjità tiegħek, dawn kollha nixtiequh aħna, nagħmlu hekk ma’ għajrna, ma’ ħaddieħor. Fuq kollox dak li nagħmlu, nagħmluh b’imħabba. Ma qalliniex: “irrispetta lil għajrek”, ma qallilniex “stabar b’għajrek”; ġabar kollox fil-kmandament tal-imħabba: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek bil-qawwa kollha tiegħek, b’qalbek, b’ruħek, b’moħħhok, bil-qawwa tiegħek kollha”.

    Aħna llum imxejna mal-istatwa għażiża tar-Redentur u ftakarna f’dak li qalilna l-profeta Hosegħa. Qalilna li l-Mulej iħobbna, “minn qalbi nħobbhom”, kemm hi sabiħa din il-kelma tal-Mulej li hu jgħid fuq kull wieħed u waħda minna. Qabel ma jgħidilna biex inħobbuh b’qalbna kollha, il-Mulej jiddikjara li jħobbna minn qalbna, “naħfrilhom għad li xxewwxu kontrija, minn qalbi nħobbhom” (Hos 2, 5). Minn qalbi nħobbhom!

    Jekk trid tifhem din l-imħabba tal-Mulej, biżżejjed tħares lejn il-wiċċ tar-Redentur. Jekk trid tifhem x’jiġifieri meta Hosegħa jgħid: “minn qalbi nħobbhom”, ħares lejn il-wiċċ għażiż tar-Redentur u ħallih ikellmek, ħallih jgħidlek: “jiena naħfirlek”, ħallih jgħidlek: “jiena nagħdrek”, ħallih jgħidlek: “jiena nagħti ħajti għalik”. “Jiena nħobbok”.

    Minn dik il-ħarsa, aħna nieħdu l-qawwa biex nitrattaw lil xulxin b’imħabba, biex naħfru lil min għamlilna d-deni, biex nitgħallmu ngħixu fil-paċi ma’ kulħadd, anke ma’ min inħossuh barrani, imma mhuwiex, għax aħna lkoll ulied Alla. Anke min ma jemminx bħalna, għax aħna lkoll ulied l-istess Missier. Imma biex nifhmuha din, irridu nħarsu lejh, li ċarċar demmu għal kulħadd, li jibgħat ix-xemx u x-xita fuq kulħadd, li qalilna: “kunu nies ta’ ħniena bħalma hu ħanin Missierkom li hu fis-smewwiet”.

    “Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, bil-qawwa tiegħek kollha, li tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha” (Mk 12, 33). Dan l-għaref tal-liġi, dan il-kittieb fehem li veru l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu, hija l-pedament ta’ kull liġi, hija l-pedament tar-reliġjon tagħna.

    Għalhekk illum iltqajna biex nagħmlu l-mixja ta’ kull sena mar-Redentur biex nitgħallmu mill-ħarsa tiegħu x’jiġifieri tħobb, biex nitolbuh jgħina bid-dgħufija tagħna, jaħfer id-dnubiet tagħna lilna wkoll, u jħares lejna waqt li aħna nħarsu lejh jgħidlna: “m’intix il-bogħod mis-Saltna ta’ Alla” (v. 34). Għax is-Saltna t’Alla huwa hu fostna, huwa hu fl-Ewkaristija, huwa hu fis-Sagrament tal-Qrar, u hu bil-kelma tiegħu. Aħna m’aħniex il-bogħod mis-Saltna ta’ Alla, jekk aħna nisimgħuh, nobduh, nimxu warajh, għax dan il-pellegrinaġġ huwa tifkira ta’ dak li nagħmlu matulek ja sena, meta aħna mid-djar tagħna, mill-postijiet tax-xogħol tagħna, nimxu warajh billi nħennu, billi naħfru, billi nħobbu.

    Ejjew nitolbu l-barka tal-Mulej aħna u noqorbu lejn il-Ġimgħa solenni li fiha nfakkru lilna nfusna l-imħabba kbira li ħabbna. Ejjew nitolbu li l-imħabba tiegħu tinżel fil-qalb tagħna, trattab l-ebusija ta’ moħħna u ta’ qalbna, u tagħmel li aħna nieħdu bis-serjeta l-ikbar kmandament: “ħobb lill-Mulej Alla tiegħek, ħobb lil għajrek bħalek innifsek”.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Photos: Curia Communications Office