-
Lone Survivor
-
****
Direttur: Peter Berg
Atturi: Mark Wahlberg, Taylor Kitsch, Emile Hirsch, Ben Foster u Eric Bana
Ħin tal-Film: 121 min
Maħruġ minn KRS Film Distributors
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Film msejjes fuq ġrajja vera li seħħet gewwa Afghanistan f’Gunju tal-2005. Marcus Luttrell, membru fin-Navy Seal Amerikana, flimkien ma’ tlieta minn sħabu, Michael Murphy, Danny Dietz u Matt Axelen, jiġu affdati missjoni delikata ħafna u perikoluża għall-aħħar u li kienet sejra tipprova sewwa l-ħila ta’ dawn l-erba’ qalbenin. Il-missjoni kienet li jaqbdu jew joqtlu wieħed mill-mexxejja magħrufa tat-Talabani, Ahmed Shahd, li reċentament kien responsabbli għall-mewt ta’ għoxrin morin. Fil-bidu kollox mar sew sakemm ġew mikxufa minn xi rgħajja u minħabba l-Konvenzjoni Internazzjonali ma setgħux jagħmlu mod ieħor ħlief li jħalluhom immorru b’riżultat li wieħed minnhom jallarma t-Talabani li kienu nvadew ir-raħal ċkejken fejn kien maħsub li kien jinsab Ahmed Shahd. Ma tantx jgħaddi ħin li dawn l-erba’ suldati ma jsibux ruħhom attakkati minn numru kbir ta’ terroristi, armati sa snienhom. Meta wieħed minnhom jirnexxielu jikkomunika mal-bażi: Bagram Airfield, biex tintbagħat għajnuna u rinforz, din fil-fatt ma ddumx ma tasal iżda wieħed mill-helikopters ġie mwaqqa’ b’riżulat li ftit li xejn kien hemm tama li dawn l-erba’ jeħilsuha ħafif. Fi żmien qasir, tlieta minnhom jisfgħu maqtula u jibqa’ biss Marcus Luttrell li jibqa’ jissielet għal ħajtu u jkun kapaċi b’xorti tajba li jirrakonta l-ġrajja mdemma u tal-biza` li hu u sħabu għaddew minnha. Kienet l-għajnuna li huwa rċieva mir-raħħala stess li kienu kontra t-Talabani li għenu mhux bil-ftit li jsalvawlu ħajtu. X’jiġri meta t-Talabani jsiru jafu li Marcus kien jinsab moħbi fir-raħal?Film maħdum tajjeb ħafna, realistiku għall-aħħar, b’ħafna xeni ta’ ġlied imdemmi u vjolenza brutali li ma taqta’ xejn matul il-film. Minnħabba l-istorja nfisha, kif ukoll kliem goff u dagħa, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tmintax –il sena.