Il-kappillani tal-Arċidjoċesi ta’ Malta rriflettew fuq it-tema ‘Il-ferħ li tkun saċerdot’ waqt il-live-in annwali. Din is-sena l-live-in, li sar il-Mellieħa, kien iktar ibbażat fuq stil ta’ diskussjoni bit-tir li l-kappillani jkomplu jsaħħu r-relazzjoni bejniethom. Fil-fatt din is-sena l-parteċipanti kienu bilqiegħda madwar mejda u għalhekk kellhom iktar ċans jiddiskutu l-punti li tqajmu bejniethom kif ukoll kuljum ħadu sehem f’sessjonijiet ta’ team building. 

Matul dawn it-tlitt ijiem ta’ riflessjoni u diskussjoni, diversi kelliema u esperti għenu lill-kappillani jifhmu kif jistgħu jieħdu ħsieb dak li jagħmilhom kuntenti bħala saċerdoti kif ukoll jittrasmettu dan il-ferħ, kif jieħdu ħsieb tagħhom infushom u ta’ kappillani oħra billi jżommu kuntatt magħhom, kif ukoll jieħdu ħsieb tas-saċerdoti li jaħdmu fil-parroċċi tagħhom.

Parti mid-diskussjoni kienet dwar xi jtellef mill-ferħ f’xogħolhom u x’jistgħu jagħmlu biex jegħlbu dawn l-ostakli. Fost l-affarijiet li ssemmew kien hemm iz-zekzik u kif nies negattivi jagħmlu l-ambjent tqil. Issemma li, is-saċerdot minbarra li jkun imdawwar b’nies pożittivi, għandu jieħu ħsieb tiegħu nnifsu mhux biss spiritwalment imma anki f’termini ta’ saħħa u mistrieħ.

Issemmiet ukoll il-fiduċja fuq livelli differenti – il-fiduċja fil-kollegi, in-nies ta’ madwarhom kif ukoll is-superjuri tagħhom. Ġie diskuss xi jtellef u xi jsaħħaħ il-fiduċja u kif jistgħu jibżgħu għaliha. Il-live-in ntemm billi l-kappillani rriflettew dwar punti konkreti li laqtuhom personalment u raw x’azzjoni se jieħdu dwarhom.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi għalaq il-live-in billi rrefera għall-ktieb tal-Papa Franġisku dwar il-ferħ, ‘I want you to be happy: The hundredfold in this life’, li fl-ewwel kapitlu jagħti 15-il suġġeriment kif tkun ferħan f’ħajtek u kif dawn jistgħu japplikawhom għal dak li ddiskutew matul it-tlitt ijiem tal-live-in.

Qal ukoll kif is-saċerdoti jridu jeżaminaw lilhom infushom u jaraw kif il-kelma tagħhom tasal b’mod pożittiv u li tassew tagħmel il-ġid, u jevitaw in-negattività li tagħmel ħsara u tiskoraġġixxi lin-nies. Fakkar ukoll li “l-ħajja Nisranija hi ta’ kuljum, mhux ġol-Knisja biss” u s-saċerdot għandu jgħin lin-nies biex jgħixuha fil-ħajja ta’ kuljum, huma fejn huma.

Il-live-in ġie organizzat mill-Kunsill tal-Kulleġġ tal-Kappillani bejn l-10 u t-12 ta’ Jannar 2023. Tmexxa mil-life coach Alex Falzon, Patri Frankie Cini MSSP u l-counsellor Joseph Pellicano. Għalih attendew id-Delegat għall-Kleru Dun Noel Vassallo u d-Delegat għall-Parroċċi Dun André Zaffarese.

Aktar ritratti