L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

F’din is-silta li għadna kemm smajna mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, smajna r-rakkont ta’ żewġ laqgħat ta’ Ġesù wara l-irxoxt tiegħu. L-ewwel laqgħa hi propju dakinhar tal-irxoxt tiegħu. Fil-fatt l-Evanġelju ta’ San Ġwann jgħidilna: “Dakinhar fil-għaxija fl-ewwel jum tal-ġimgħa” (Ġw 20:19). F’din l-ewwel laqgħa tiegħu wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet, il-Mulej jagħti lid-dixxipli tiegħu dak li hu forsi l-frott l-iżjed bnin u qawwi tal-irxoxt tiegħu, tal-qawmien tiegħu mill-mewt, it-tislima tiegħu: “Il-paċi magħkom” (Ġw 20:19). Hi tislima li biha l-isqof isellem lill-komunità fil-bidu ta’ kull quddiesa: ‘il-paċi magħkom’. Hi xi ħaġa li l-qaddis għażiż tagħna Dun Ġorġ Preca addotta bħala tislima bejn is-soċji tal-MUSEUM: ‘il-paċi miegħek’ u hi xi ħaġa sabiħa ħafna ispirata wkoll mill-ispiritwalità anke Franġiskana dik li nixtiequ ’l xulxin ‘il-paċi u l-ġid, pax et bonum’. Imma l-paċi tiġi qabelxejn mill-fatt li aħna nkunu rikonċiljati, mistrieħa magħna nfusna, bejnietna u ma’ Alla. U waqt li qed jagħti l-paċi lil ħutu, jagħtihom ukoll il-qawwa jaħfru d-dnubiet: “Kif qal hekk nefaħ fuqhom u qalilhom: ‘Ħudu l-Ispirtu s-Santu dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura’” (Ġw 20:22-23).

Is-saċerdot jaħfirli d-dnubiet tiegħi bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, dak l-Ispirtu s-Santu li l-Mulej jibgħat fil-Knisja tiegħu biex jittrasforma l-istorja ta’ kull wieħed minna, jittrasforma wkoll l-offerti tagħna. Jittrasforma l-istorja ta’ ħajti bis-sagrament tal-qrar għaliex il-maħfra t’Alla għandha din il-qawwa kbira, tidħol fl-istorja ta’ ħajti u dak li hu dnub, dak li hu egoiżmu, dak li hu qerq, vjolenza, żina u faħx – il-Mulej bil-qawwa tal-ħniena kbira tiegħu jittrasformahom fi skola ta’ umiltà, ta’ servizz, ta’ mħabba. Alla biss għandu din il-qawwa li jidħol fl-istorja ta’ ħajti u jittrasforma dak li kien morr f’ħelu, dak li kien ħall f’għasel. Hekk jagħmel is-sagrament tal-qrar.

San Ġwann Pawlu II, biex iħajjarna nqerru anke f’dan il-jum iddedikat lill-Ħniena Divina, tana li kull min iqerr illum jirċievi wkoll il-ħelsien mit-tpattja ta’ dnubietu mhux biss il-ħelsien, il-maħfra mid-dnub imma anke l-ħelsien mit-tpattija, dak li ngħidulu l-indulġenza plenarja. Imma tgħidli: ‘Jien ma nistax immur inqerr illum’. Min qed jismagħni ejjew ilkoll kemm aħna nagħmlu dan il-proponiment: Sinjur, agħtini l-grazzja tal-maħfra tad-dnubiet u li jkolli ċ-ċans, ma’ l-ewwel ċans li jkolli nirrikorri għand saċerdot għall-maħfra tad-dnubiet.

Hawn min jgħid: ‘Issa jien se mmur għand midneb inkallat iżjed minni?’ Għandek raġun ħabib, għandek raġun sinjura. Imma Alla jinqeda b’kulħadd b’mod speċjali fid-dgħufja tagħna biex juri l-qawwa tiegħu. Għax il-qawwa tas-saċerdot meta jgħidlek: ‘Jiena naħfirlek dnubietek’ mhux minħabba l-wiċċ ħelu tas-saċerdot imma bil-qawwa ta’ Ġesù li tana din il-qawwa: l-Ispirtu s-Santu. Mhux għax jistħoqqilna, l-aħwa. Aħna, għandna bżonn inqerru għand saċerdot bħalma intom għandkom bżonn ukoll tersqu għand is-saċerdot għall-qrar, ilkoll kemm aħna. U jiena ma nistax inqerr u nħares lejn il-mera, komda dik għax lill-mera tista’ tgħidilha li trid. Lill-qassis tħossha naqra iżjed diffiċli. Imma l-Mulej tana din il-barka.

M’ilux kien hemm xi ħadd u staqsewh: ‘Imma inti fost il-ħafna denominazzjonijiet, reliġjonijiet x’fettillek trid tibqa’ Kattoliku bil-Knisja Kattolika mimlija difetti?’ U r-risposta tiegħu laqtitni ħafna. ‘Nibqa fil-Knisja Kattolika bid-difetti kollha tagħha għax għandha l-qawwa li taħfer id-dnubiet’. Il-Mulej tana din iċ-ċertezza, li s-saċerdot meta jgħidlek dawk il-kliem sempliċi: ‘Jiena naħfirlek dnubietek fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, dnubietek maħfura’. Is-suġġeriment tiegħi hu ejjew nitgħallmu naħfru lilna nfusna, naħfru lil xulxin għax l-esperjenza tgħallmek li Alla jaħfer u kultant inti ma tkunx kapaċi taħfer lilek innifsek. Jew aħna m’aħniex kapaċi naħfru lil xulxin. 

Il-Mulej bil-misteru ta’ din il-festa għażiża tal-Ħniena Divin jagħtina l-qawwa u l-umiltà u l-kuraġġ naħfru lilna nfusna u lil xulxin kif jaħfrilna hu. Tolqotni ħafna espressjoni li l-Papa Franġisku jħobb jirrepeti: mhuwiex Alla li jgħejja jaħfirlek, ħafna drabi hi aħna li ngħidulu: ‘Żlaqt fin-niexef erġajt Sinjur, dejjem l-istess’. U kultant ħin minnhom tgħid: ‘imma issa mhux dejjem l-istess, għalfejn immur?’ Taqtax qalbek. Alla permezz tas-saċerdoti tiegħu qiegħed hemm biex jaħfirlek.

Tumas, fl-ewwel laqgħa ma kienx hemm. Jiena għandi rispett kbir lejn Tumas l-appostlu. L-ewwel nett minħabba l-intelliġenza tiegħu u għax kien naqra żbukkat. Kultant li tkun naqra żbukkat mhux difett totali. Hu qalilhom xi ħaġa intelliġenti. Qalilhom: “Isma jekk jien ma narax il-pjagi tiegħu ma nemminx li hu” (ara Ġw 20:11). Kien intelliġenti biżżejjed li jifhem li lil Ġesù se tagħrfu bil-pjagi divini tiegħu. U Ġesù jaċċetta dak li jgħid Tumas anke għax fl-ewwel laqgħa, innutaw, Ġesù “wriehom idejh u ġenbu” (Ġw 20:20), urihom il-pjagi tiegħu. Tumas ried jarahom ukoll u qallu dik l-espressjoni sabiħa li ta’ min nirriflettu ftit fuqha fil-Ħadd tal-Ħniena Divina: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja u ressaq idek u qiegħda fuq ġenbi” (Ġw 20:27).

Ejjew nitgħallmu naħfru lilna nfusna, naħfru lil xulxin għax l-esperjenza tgħallmek li Alla jaħfer u kultant inti ma tkunx kapaċi taħfer lilek innifsek. Jew aħna m’aħniex kapaċi naħfru lil xulxin. 

“Ressaq idek u qiegħda fuq ġenbi!” Xi tfisser din għalina, ħuti? Ressaq idek u qiegħda fuq ġenbi. Il-ġenb ta’ Ġesù għandu l-pjaga tal-kustat li minnha ħarġu demm u ilma. U dan li nressaq idejja lejn il-ġenb ta’ Ġesù minfud mil-lanza tas-suldat Ruman u li minnu ħareġ id-demm għażiż tiegħu u l-ilma li huma s-sagramenti tal-Knisja. Jgħidli Ġesù: ‘Tiddejjaqx tersaq lejn is-sagramenti tal-Knisja’. Ara, dawn il-laqgħat ta’ Ġesù jsiru nhar ta’ Ħadd, l-aħwa. L-ewwel laqgħa u t-tieni laqgħa, tmint ijiem wara jgħid l-Evanġelju. Donnu hemm ukoll għażla ta’ Ġesù li dawn il-laqgħat fejn jidher f’nofs id-dixxipli tiegħu bil-bibien magħluqa imma jidher u qiegħed hemm, jiddedikahom propju fil-jum tal-irxoxt tiegħu. Għalhekk aħna niltaqgħu għall-quddiesa fl-ewwel jum tal-ġimgħa, nhar ta’ Ħadd għax hu l-jum tal-irxoxt ta’ Ġesù imma wkoll il-jum li Ġesù għażel għal-laqgħat tiegħu magħna.

Allura l-istedina tiegħi u nieqaf hawn illum hi li nersqu lejn is-sagramenti li Ġesù waqqaf bħala laqgħat tagħna miegħu: il-qrar u l-ewkaristija. Min qed isegwini permezz tat-televixin, jifhem li jiena ma nistax inqerru mit-televixin, lanqas nista’ nqarbnu mit-televixin. L-istedina allura hi li mill-iscreen tat-televixin tagħna, mill-monitor tal-kompjuter tagħna ngħaddu għal-laqgħa fil-komunità. Jalla l-misteru qaddis ta’ dan il-jum jipperswadina kemm hi ħaġa tajba u qaddisa.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 4:42-47
Salm: 117(118):2-4,13-15,22-24
Qari II: 1 Piet 1:3-9
L-Evanġelju: Ġw 20:19-31

Aktar ritratti