L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Bil-Malti għandna espressjoni li tgħid “kulħadd xortih”. Niftakar f’din l-espressjoni meta naqra dan ir-rakkont fl-Evanġelju skont San Ġwann, fejn jissemma Tumas l-Appostlu. Jgħidu li Tumas kien wieħed minn dawk li wara Għid il-Ħamsin mar ’il bogħod ħafna jxandar l-Evanġelju – hawn min jgħid li wasal sal-Indja, u fil-fatt, f’partijiet mill-Indja, hemm ħafna devozzjoni lejh. Imma baqa’ magħruf għall-fatt li ma emminx dak li qalulu sħabu li kienu raw lill-Mulej, u ried jara b’għajnejh u jmiss b’idejh. Dik hi t-tikketta li baqa’ jġorr miegħu tul is-snin.

Ngħiduha kif inhi, ma kienx faċli għalih li jaċċetta dak li qalulu sħabu, għax kienu qed jgħidulu xi ħaġa kbira wisq. Imma fl-istess waqt kienet ovvja li meta qalulu “rajna lill-Mulej” (Ġw 20:25) , sħabu ma kinux qed jiċċajtaw. Xi ħaġa kienet seħħet żgur, u xi ħaġa kbira.

Imbeżżgħa u bil-bibien magħluqa

Ma rridux ninsew li l-appostli kienu għaddew minn esperjenza kerha ħafna tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, li miegħu kienu għal żmien twil, li tant raw ġid minnu. Hu kien safa maqtul bl-iktar mod krudili. Ma’ din l-esperjenza kerha, hemm ukoll il-fatt li kważi l-appostli kollha għosfru waqt il-passjoni, ma baqgħux leali lejn Ġesù, ħallewh waħdu. U kien hemm l-esperjenza tat-tradiment ta’ wieħed minnhom, Ġuda, u taċ-ċaħdiet ta’ Pietru. Kienu wkoll qed jibżgħu li dak li għadda minnu Ġesù se jgħaddu minnu huma wkoll. Għalhekk l-Evanġelju jgħid li kienu “mbeżżgħa mil-Lhud, mill-bibien magħluqa” (Ġw 20:19). 

Ġesù ħaj iġib is-sliem

Kien f’dan il-kuntest li Ġesù deher fosthom. L-esperjenza ta’ Ġesù meta rawh ħaj fosthom kienet hekk kbira, hekk qawwija, u tant ferħu. 

Ħa nħarsu ftit lejn Ġesù. X’jagħmel meta jidher f’nofs id-dixxipli? L-ewwel tislima tiegħu hija “is-sliem għalikom” (Ġw 20:19), ripetuta darbtejn oħra f’din is-silta tal-lum tal-Evanġelju. Ġesù Rxoxt huwa Ġesù li jagħti l-paċi fil-qalb. Innutaw li ma jgħid xejn fuq dak li kien ġara; f’ebda mument ma jagħti ħasla lid-dixxipli talli kienu abbandunawh, f’ebda mument ma jfakkarhom f’dak li għamlu. Xejn minn dan. Il-preżenza tiegħu hi preżenza ta’ sliem, ta’ mħabba li tfisser maħfra u li tnissel ferħ, ta’ ħniena. 

Hi preżenza li tagħmel kuraġġ lid-dixxipli. Ġesù mhux biss ma jfakkarhomx f’li għamlu, imma jerġa’ jġedded il-fiduċja fihom: “Kif Missieri bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 20:21). Jagħtihom din il-missjoni – huma, bħala nies maħfura, jirċievu b’mod speċjali l-missjoni li jwasslu din il-maħfra, il-ħniena ta’ Alla.

Ġesù ħaj isaħħaħ il-fidi

X’jagħmel Ġesù ġimgħa wara, meta jerġa’ jmur u din id-darba jkun hemm Tumas li kien tilef l-ewwel laqgħa? Ġesù, li jagħraf il-qalb, huwa hu li jitkellem l-ewwel. Hu jaf li Tumas ma emminx lil sħabu għax ried jara u jmiss. Tumas ried ikun ċert li dak li raw id-dixxipli huwa l-istess Ġesù li miegħu kienu għexu, u li spiċċa jgħaddi mill-passjoni u l-mewt. Għalhekk isemmi l-pjagi u jgħid li jrid jara l-pjagi u jmiss il-pjagi – “sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer, u idi fuq ġenbu” (Ġw 20:25). Għalhekk Ġesù mal-ewwel jistieden lil Tumas biex jagħmel dan, u jgħidlu “tkunx bniedem bla fidi iżda emmen” (Ġw 20:27).

Innutaw kif din il-ġrajja sservi biex Ġesù jsaħħaħ il-fidi ta’ Tumas li jistqarr “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20:28) – hi l-ikbar stqarrija ta’ fidi. Imma Ġesù jsaħħaħ il-fidi tagħna wkoll. Aħna nistgħu nifhmu lid-dixxipli għax kultant jiġrilna bħalhom, li nibżgħu mill-oħrajn, mill-pressjoni tal-oħrajn. Nistgħu nifhmu lil Tumas għax kultant jiġrilna bħalu li rridu li naraw b’għajnejna u mmissu b’idejna. Imma Ġesù ħaj lilna jgħinna biex negħlbu l-biża’, l-għeluq, u biex nissaħħu fil-fidi. Ġesù jgħid dik is-sentenza sabiħa li jgħidha għalina lkoll tant snin wara: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20:29).

Ġesù ħaj jagħti l-hena

Lilna Ġesù jsejħilna henjin. Għax aħna lkoll ma rajniex, imma emminna għax serraħna fuq l-esperjenza ħajja tal-komunità Nisranija. L-Evanġelju tal-lum lilna jgħinna biex nissaħħu fil-fidi, biex nifhmu li l-fidi ngħadduha lill-oħrajn bil-kelma u bix-xhieda ta’ ħajjitna. U jgħinna wkoll biex fil-ħajja tagħna ta’ fidi ma noqogħdux infittxu dak li nistgħu naraw u mmissu. Kultant jiġri dan. Aħsbu ftit fl-Ewkaristija, il-preżenza reali ta’ Ġesù fostna. Kull darba li niċċelebraw l-Ewkaristija, qed ngħixu l-kliem ta’ Ġesù: “henjin dawk li ma rawx u emmnu”. Hija esperjenza ta’ hena. 

Kultant jista’ jiġri li ninġibdu aktar lejn xi ħaġa sensazzjonali – per eżempju, statwa li tiċċaqlaq, jew statwa li l-wiċċ jibda jimtela bid-dmugħ. Jista’ jkun hemm fenomeni speċjali li jseħħu; imma ma għandniex infittxu dawn f’ħajjitna, jew niġru wara dawn, imma għandna nfittxu aktar li ngħixu l-kliem ta’ Ġesù “henjin dawk li ma rawx u emmnu”.

Tumas baqa’ magħruf bħala dak li ma emminx. Imma, fil-fatt, il-ġrajja ta’ Tumas hija waħda mill-aktar ġrajjiet ta’ għajnuna kbira għall-fidi tagħna. Kull meta f’moħħna jgħaddu d-dubji, kull meta qisna rridu xi ħaġa aktar fil-fidi tagħna, xi ħaġa li narawha u mmissuha, niftakru fl-esperjenza ta’ Tumas u ngħidu lill-Mulej: grazzi talli tajtna lil Tumas, grazzi talli lil dak li ma emminx għamiltu għalina għajnuna hekk kbira għall-fidi tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta